Internazzjonali

L-Iran: L-eks-Prinċep Pahlevi jgħid li l-attakki minn Iżrael għandhom jagħtu nifs ġdid lill-Iranjani ta’ kontra Khamenei

L-eks Prinċep tal-Iran, Reza Pahlevi, ħareġ b’evalwazzjoni tal-iżviluppi drammatiċi li għaddejjin f’pajjiżu u fejn qal li l-Iranjani kollha li jopponu għar-reġim Iżlamiku tal-Ayatollah Ali Khamenei għandhom jieħdu ‘enerġija ġdida’ mill-azzjonijiet ta’ Iżrael.

Pahlevi hu iben l-eks Shah tal-Iran li kien tkeċċa minn pajjiżu waqt ir-Rivoluzzjoni Iżlamika storika li mexxa l-Ayatollah Ruhollah Khomeini, fl-1979

L-eks Prinċep sostna li t-Tmexxija Iranjana attwali spiċċat f’paniku u kaos wara li l-Iżraeljani rnexxielhom jeliminawlha daqshekk kapijiet militari fi spazju daqshekk qasir.

U għalkemm ir-reġim Iranjan qed jisfida u jhedded kontinwament lil Iżrael  Pahlevi tenna li, bħalissa, ‘hemm opportunità kbira għal bidla fir-reġim’ minħabba li t-Tmexxija attwali f’Tehran tilfet daqshekk mis-saħħa li kellha,

L-eks Prinċep tal-Iran sejjaħ ukoll biex il-potenzi tad-dinja ‘ma jżommux lura waqt li juru li lesti biex jieħdu aktar passi mis-sempliċi impożizzjoni ta’ sanzjonijet fuq ir-reġim ta’ Khanemei.’ Hu kompla li dawn il-potenzi għandhom fuq kollox il-poter biex jagħtu lill-poplu Iranjan ‘dak is-sens ta’ appoġġ fil-ġlieda tiegħu għall-ħelsien u d-demokrazija wara daqstant snin ta’ oppressjoni’.