Ħafna eluf ta’ Amerikani, fl-aħħar sigħat, komplew jesprimu ruħhom kontra kif pajjiżhom qed jinbidel taħt it tmexxija kważi dittatorjali tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump… U f’dan il-perjodu ta’ theżżiż spikkat mewġa ġdida ta’ protesti kontra Trump fid-diversi bliet tal-Amerikani u bħala parti minn avveniment koordinat bit-titlu ‘No Kings’.
Id-dimostrazzjonijiet kienu forma ta’ oppożizzjoni għal parata militari kbira preseduta minn Donald Trump f’Washington u li xi ħaġa rari ħafna għall-Amerikani – bid-dimostranti jinsistu li ‘dawn il-wirjiet ta’ saħħa militari ma jirriflettux il-vera spirtu u identità ta’ pajjiżhom.
Il-protesti f’Washington saru wkoll wara l-ġranet ta’ protesti f’Los Angeles u bnadi oħra fejn in-nies ħarġu fit-toroq biex joġġezzjonaw bil-miftuħ kontra l-politika tal-Gvern Amerikan rigward l-immigrazzjoni.
L-aħħar protesti kbar kienu organizzati fi bliet ewlenin bħal New York, Philadelphia u Houston, fejn id-dimostranti xejjru l-bnadar tal-Istati Uniti u placards bil-messaġġi ta’ kritika għal Trump.
Il-parata militari kbira li saret f’Washington matul il-lejl tas-Sibt kienet organizzata biex tikkoinċiedi ma’ għeluq snin il-President Trump – u bħala ċelebrazzjoni tal-250 anniversarju tal-Armata tal-Istati Uniti. Dan meta Trump, qabel, kien wissa li ‘kwalunkwe protesti waqt il-parata kienu se jwasslu għall-użu ta’ forza mill-qawwiet tas-sigurtà fil-kapitali’.
Intant, l-organizzaturi tal-protesti ta’ tmiem il-ġimgħa qalu li l-‘messaġġ tagħhom wasal sew’ u li l-miljuni tan-nies ipparteċipaw fil-mijiet tad-dimostrazzjonijiet.
In-nies intervistati qalu li huma kienu qed jipprotestaw anki dwar it-tnaqqis tal-istaff mal-aġenziji għas-saħħa pubblika u li kien infurzat minn direttiva tal-President.
Oħrajn, partikularment fil-belt ta’ Los Angeles, komplew jesprimu rabja għall-politika tad-deportazzjonijiet ta’ persuni, fosthom ċittadini Amerikani mingħajr id-dokumentazzjoni li tintitolahom għal residenza permanenti fl-Istati Uniti.
Il-pulizija ta’ Los Angeles, appoġġjati mill-membri tal-Gwardja Nazzjonali, fl-aħħar ġranet, wieġbu bil-forza għad-dimostrazzjonijiet ta’ rabja popolari u meta din il-belt – l-akbar waħda fl-Istat ta’ Kalifornja – għadha s’issa maħkuma mit-tensjoni.
Waqt id-dimostrazzjonijeit ta’ tmiem il-ġimgħa f’Los Angeles, ħafna nies kellmu lill-istampa biex jinsistu li ma jistgħux jaċċettaw politika li qed tifred lill-familji mingħajr skuża valida.
L-isem ‘No Kings’ għall-protesti jirreferi għall-kritika fir-rigward ta’ Trump talli hu qed jaqbeż il-limiti tal-poteri bħala President tal-Istati Uniti.
Iżda minkejja din il-mewġa ta’ protesti, l-istħarriġ juri li l-politika tiegħu dwar l-immigrazzjoni, fil-parti kbira, hi approvata minn xi 54 fil-mija tal-Amerikani li ma jridux li n-nies jgħixu ‘illegalment’ f’pajjiżhom. Ħafna jemmnu wkoll li l-President Trump qed jagħti priorità lid-deportazzjoni ta’ ‘kriminali perikolużi li rabbew l-għeruq qalb is-soċjetà Amerikana’.
//= $special ?>