Fl-aħħar tliet ijiem, diversi ħaddiema kienu għaddej b’ħidma bla waqfien sabiex ineħħu l-periklu mis-sit fejn krollat il-binja f’Paceville – bini li ċeda min-nofs, għal fuq sit fejn għaddej proġett ta’ kostruzzjoni.
Il-post inbidel qisu xena ta’ gwerra; b’ġebel ma’ kullimkien, bricks u terrapien.
Fiz-zona wieħed seta’ jinnota dak kollu li tilfu l-persuni li kienu jgħixu f’dawn l-appartamenti, u li spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom. Fost l-oħrajn, saqqu f’nofs it-tifrik – simbolu ta’ kemm din it-traġedja setgħet faċilment kienet diżgrazzja bla preċedent.
Waqt li bdiet titwaqqa’ l-parti tal-binja li kienet għadha ma ċedietx, deher ukoll evidenti it-taraġ tal-komun li nqasam man-nofs. Evidenti wkoll il-kċejjen tan-nies li kienu jgħixu f’din il-blokka, li spiċċaw jgħatu fix-xejn għal isfel.
Is-sidien tas-sit fejn se jsir żvilupp qed jgħidu li l-binja kellha ħsarat strutturali. Iżda wieħed mis-sidien ta’ Tania Flats lest jieħu azzjonijiet legali biex ifittex lill-kuntrattur għad-danni.


