Lokali

Robert Abela maqtugħ mir-realtà, l-ebda referenza għall-każ ta’ Paceville

Wara jiem sħaħ f’silenzju assolut dwar dak li ġara f’Paceville, il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ juri kemm hu maqtugħ mir-realtà u mit-tħassib serju tal-poplu Malti u Għawdxi.

F’attivita politika li saret fil-Birgu, il-Prim Ministru Abela fetaħ id-diskors tiegħu billi qal li hu mħasseb b’dak li ġara din il-ġimgħa. B’wieħed jaħseb li fl-aħħar Abela se jindirzza l-inkwiet tan-nies.

Iżda b’diżappunt kbir din ir-referenza ma kinetx għal dak li ġara u qiegħed jiġri f’Paceville iżda kienet biss referenza partiġjana.

Kollox beda l-Erbgħa 11 ta’ Ġunju meta ġġarrfet binja biswit sit ta’ kostruzzjoni f’Paceville, propju fi Triq Paceville, fSan Ġiljan tard filgħaxija, b’numru ta’ residenti f’din il-binja jkunu evakwati dakinhar stess filgħodu. Jumejn wara l-Ġimgħa sar magħruf ukoll li ġew evakwati 40 persuna oħra minn binja biswit dik li kienet iġarrfet.

Il-Kamra tal-Ġeoloġiċi ddeskriviet din is-sitwazzjoni bħala diżastru nazzjonali u sinjal ta’ falliment sinifikanti mill-awtoritajiet, partikolarment il-BCA, li ġiet stabbilita biex tiżgura s-sigurtà pubblika.

Il-Kamra tal-Periti fi stqarrija qalet li dan l-inċident jikkonferma l-ħtieġa ta’ riforma fis-settur tal-kostruzzjoni filwaqt li stqarret li dan l-inċident seta’ kien traġedja li qatt ma rajna bħalha.

Tkellmet ukoll il-Kamra tal-Kummerċ li sostniet li s-sistema mhux taħdem u li l-falliment fil-proċess tas-settur tal-kostruzzjoni qed ipoġġi l-ħajja tan-nies u r-reputazzjoni ta’ Malta f’riskju kbir.

Iżda quddiem dan il-periklu u l-kritika l-Prim Ministru baqa jitfa’ kollox taħt it-tapit u minflok kompla bir-retorika partiġjana.

Minflok, il-Prim Ministu spiċċa jtenni lill-Ministri tiegħu biex ixamru l-kmiem u jaħdmu iktar.

Intant wara jiem sħaħ ta’ attakki fuq il-Ministri mill-fergħa estremista tal-Partit Laburista Neville Gafa, il-Prim Ministru Robert Abela iddeċidha li jikkundana lil kull minn jagħmel attakki personali, għalkem anka hawn naqas milli jsemmieh b’ismu.