Lokali

WARA L-KAŻ TA’ PACEVILLE: “Qed nitilfu lil pajjiżna – il-Gvern irid tassew jieħu azzjoni”

“Hemm bżonn tittieħed azzjoni, għaliex se nispiċċaw nitilfu lil pajjiżna”.

Hekk stqarr l-editur tas-Sunday Times of Malta fil-kummentarju tal-lum, hekk kif il-gazzetta tanalizza l-aħħar traġedja li seħħet fil-qasam tal-kostruzzjoni; traġedja li b’miraklu ma nbidlitx f’diżgrazzja.

It-Times tanalizza l-fatt li pajjiżna spiċċa fgat bil-bini bla pjan. U allura, hemm bżonn li nieqfu u nanalizzaw is-sitwazzjoni preżenti.

Il-gazzetta saħansitra ssemmi l-ħtieġa li jitwaqqfu ċeru proġetti maġġuri. Dan filwaqt li ssir reviżjoni serja tas-sistemi preżenti, partikolarment fejn jidħol infurzar.

Barra minn hekk, it-Times tinsisti li hemm bżonn tittieħed azzjoni issa għaliex pajjiżna qed nitilfuh, triq triq – dan b’detriment b’mhux biss għall-kwalità tal-ħajja tagħna, iżda wkoll għall-impjegati li jaħdmu f’dan is-settur, u li qed isofru ċertu konsegwenzi kull meta jkun hemm inċident.

L-editorjal itemm bi twissija wara dan il-każ ta’ Paceville: fejn jgħid li d-darba li jmiss, kapaċi ma nkunux daqstant fortunati.