Lokali

“Dwar l-irwejjaħ u l-ilmenti rridu soluzzjonijiet amikevoli”

Jekk konvint li l-ġar tiegħek qiegħed jiskomodak bl-irwejjaħ ta’ ħaxixa u kannabis, ġimgħa u nofs ilu twaqqaf freephone fejn tista’ tagħmel ilment.

Dan spjegah il-Kap Eżekuttiv tal-ARUC, Joey Reno Vella, illi saħaq li f’dan il-perjodu qasir l-awtorità diġà rċeviet mal-10 ilmenti.

Huwa insista li s-soluzzjoni għandha tinstab b’mod mill-aktar amikevoli, fejn ħeġġeġ mhux biss lil min qiegħed jagħmel l-ilment iżda min ikun qiegħed jikkonsma sabiex jersaq ‘il quddiem u b’ton mill-aktar edukattiv tinstab is-soluzzjoni meħtieġa.

Filwaqt li ntqal li l-akbar inkonvenjent iseħħ meta persuna tkun qed tkabbar il-pjanti – id-domanda tibqa’ waħda ovvja, dwar kif persuna tista’ tipprova li l-ġar tagħha qed ipejjep eżempju f’bitħa.

Bis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tisħaq li huma mhux qed jitkellmu fuq one-off imma fuq inkonvenjent.

Bħala inkonvenjent ta’ rwejjaħ, Joey Reno Vella insista li l-kannabis jaf ikollha effetti psikadeliċi fuq is-saħħa; għaldaqstant fakkar u insista li ilmenti dwar irwejjaħ oħrajn mhux se jkunu qed jitqiesu fejn preċiża jgħid li l-curry mhux illegali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ARUC irrikonoxxa l-fatt li jista’ jkun hemm lok ta’ sfidi madanakollu insista li jemmen li s-soluzzjoni tista’ tinstab.

Huwa spjega wkoll fl-aktar stadju estrem il-passi li jittieħdu huma abbażi ta’ proċeduri amministrattivi bil-multà tkun dik ta’ €235. B’Vella jfakkar ukoll li kull min jagħmel ilment ma jistax jagħmel dan b’mod anonimu.

Intant preċiżaw jgħidu li t-tipjip barra għadu wieħed illegali; b’Net News għaldaqstant jistaqsi jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu postijijet fejn il-konsumaturi jistgħu jpejpu fihom.

Rebecca Buttigieg saħqet li hemm ħsieb simili, għalkemm huwa diffiċli.

Vella spjega li hemm 19-il assoċjazzjoni reġistrata bi 13 minnhom jistgħu jiddistribwixxu l-kannabis. Dan filwaqt li hemm 3,000 membru ma’ dawn l-assoċjazzjonijiet li l-età medja tagħhom hija ta’ 30 sena.

Ġie spjegat ukoll li l-kannabis li tinbiegh minn dawn l-assoċjazzjonijiet għandha livelli ta’ THC, ċioè il-kimika li effettivament iġġibek high, taħt l-effett tal-kannabis wara li tikkonsmaha. Vella saħaq li dawk il-persuni li għandhom età ta’ bejn it-18 u l-21 sena jistgħu jikkonsmaw ħaxixa li għandha sa massimu ta’ 18% THC.

Net News staqsa wkoll dwar x’jiġri ladarba persuna tinqabad tpejjep barra u l-kannabis tkun inxtrat minn dawn l-assoċjazzjonijiet…bis-Segretarju Parlamentari u l-Kap Eżekuttv tal-ARUC jinsistu li wieħed ma jeħilx ta’ pussess iżda ta’ konsum fil-pubbliku.

Mistoqsija jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra jiddekriminalizza aktar drogi, Buttigieg spjegat li f’dan l-istadju l-Gvern ma huwa qed jikkunsidra l-ebda azzjoni f’dan is-sens.