Lokali

“€160 għal Dalli… u aħna ma naslux sal-aħħar tax-xahar”

Bosta kienu dawk il-persuni li ma ħaduha xejn tajjeb l-aħbar li oħt il-Ministru Miriam Dalli, l-Avukat Veronique Dalli, spiċċat titħallas mal-€160 fis-siegħa għal konsulenza ma’ Transport Malta.

Diversi kkumentaw dwar il-fatt li ħlas ta’ dan it-tip lanqas biss joħolmuh, iżda għal oħt il-Ministru spjegaw li mhux talli fattibbli, talli x-xogħol joħolquh u jivvintawh.

Inevitabbilment aħbar bħal din reġgħet fakkret lil bosta dwar id-diskors tal-issa mill-ġdid Deputat Laburista Rosianne Cutajar, fejn f’chats man-negozjant Yorgen Fenech kienet saħqet li kulħadd kien qed jitħanzer.

Kliem li kitbet snin ilu, liema diskors jidher li għadu relevanti sal-lum il-ġurnata, b’diversi ċittadini jinsabu urtati kif lil tal-qalba l-Labour jiftħilhom bibien beraħ biex inefħu buthom, filwaqt li ħaddieħor lanqas biss jasal sal-aħħar tax-xaħar mal-loans, spejjeż u paga modesta.

Filwaqt li ħaddieħor jistenna ċ-ċekk tal-Gvern, oħt il-Ministru għal darb’oħra sabet impjieg ta’ konsulenza oħra ma’ entità governattiva, l-istess persuna li għall-Qorti Ewropea ma kinitx tajba… iżda għall-Gvern tal-Labour jidher li tifhem f’ħafna suġġetti hekk kif kellha konsulenza ma’ Transport Malta, Infrastructure Malta, u saħansitra Segretarja tal-Bord tal-Enemalta.

Kien rapport fis-sit The Shift News li żvela kif Veronique  Dalli kompliet taħtaf aktar impjiegi mal-Gvern wara li l-Qorti Ewropea rrifjutat li tlaħħaqha Imħallef fl-Ewropa.

Il-konsulenza ngħatat fl-2023, kuntratt mingħajr sejħa pubblika jew proċess kompetittiv – b’Dalli toffri konsulenza legali lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija… b’cap finanzjarju ta’ €10,000.