Għal raġuni li jaf hu biss, id-Deputat Laburista u eks Ministru Edward Zammit Lewis ħareġ jattakka lill-Kamra tal-Periti b’diversi domandi retoriċi u stqarrijiet malafamanti.
Dan hekk kif il-backbencher tal-Labour għażel li qabel imur fil-Parlament iħarbex disa’ sentenzi fuq Facebook jattakka lill-Kamra li s’issa wriet koperazzjoni sħiħa mal-Awtoritajiet konċernati b’rabta mal-inċident tat-tiġrif tal-binja fil-qalba ta’ Paceville, tiġrif li potenzjalment seta’ kellu konsegwenzi traġiċi.
Zammit Lewis stqasa għalfejn il-Kamra tal-Periti insistew li ma sarx skavar fejn waqgħet il-binja u ddeskriva din l-istqarrija bħala waħda bla sens. Zammit Lewis insista li kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed.
Il-backbencher, li l-akbar każ li huwa rinomat għalih huwa li għajjar lill-partitarji Laburisti Ġaħan u lil sħabu deputati l-oħrajn bħala ‘tfal u pożi’ f’chats ma’ Yorgen Fenech, insista li l-Periti għandhom jaħdmu sabiex isebbħu lil Malta u jipprovdu strutturi sikuri.
Ironikament kienu proprju żewġ periti li rrappurtaw li l-binja kienet fil-periklu imminenti u li kieku ma kienx għall-intervent tagħhom bosta kien ikollhom ħajjithom f’periklu.
Net News minnufih għamel kuntatt mal-President tal-Kamra tal-Periti, Andre Pizzuto stqarr li għad irid jistaqsi lid-Deputat Laburista x’ried ifisser b’dan il-post u insista li l-istqarrija tal-Kamra tal-Periti riedet taqta’ l-ispekulazzjoni li setgħet tqum.
Dan hekk kif Pizzuto insista li ma hemm ebda indikazzjoni li sar xi tip ta’ skavar filwaqt li ma kien hemm ebda applikazzjoni għal tali permess.
Huwa finalment insista li hemm koperazzjoni sħiħa u assoluta mal-awtoritajiet konċernati partikolarment b’rabta ma’ dawn il-każ.
//= $special ?>