Lokali

Wirja li tagħti pjattaforma lill-artiġjanat lokali

Fil-Parlament għadha kemm fetħet esebizzjoni tal-artiġjanat Malti; esebizzjoni li ħafna artiġjani jistennew bil-ħerqa.

Din il-wirja ittellgħet mill-Malta Crafts Foundation – fondazzjoni li ġiet stabbilità erba’ snin ilu, u fiha qed jesebixxu x-xogħol tagħhom uħud mill-aqwa artiġjana li għandna f’pajjiżna. Esebizzjoni li matulha ser jingħata l-premju ta’ ġieħ l-artiġjanat Malti.

L-Ispeaker Anglu Farrugia qal li l-artiġjanat f’pajjiżna huwa xhieda ta’ għeruq fondi u jirrifletti storikament l-għarfien li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Il-Parlament ta’ Malta huwa l-ogħla istituzzjoni f’pajiiżna. U l-fatt li din l-esebizzjoni tistabbilixxi ruħha fil-Parlament huwa turija tal-importanza li qed jingħata lill-artiġjaniżmu.

Fost l-artiġjanar li ħadu sehem insibu bizzilla, fuħħar, ħjata artistika, injam skulturat u ħafna oħrajn.

L-esebizzjoni hija mfawra b’xogħlijiet li jixhdu l-wirt kulturali Malti kemm tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada. Fost dawk li ssottomettew xogħolhom hemm persuni li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 24 sa 70 sena. Wirja li tistieden lin-nies jirriflettu s-sbuħija u anke japprezzaw ix-xogħol li jsir bl-idejn – imma wkoll mill-qalb, b’tant passjoni.

Sabiex tintgħażel liema arti ser tingħata l-premju ġieħ l-artiġjanat Malti, il-pubbliku ser ikun jista’ jipparteċipa fil-votazzjoni li nfetħet it-Tnejn waranofsinhar. Fuq pjattaforma online wieħed għandu jsib is-sottomissjonijiet differenti u anke informazzjoni dwar l-artiġjana.

Il-wirja ser tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd mid-9:00am sal-4:00pm u is-Sibt u l-Ħadd mid-9:00am sa 12:00pm.