Wara il-kollass tal-binja f’Paceville l-Erbgħa li għadda, sa issa għadha ma ġietx stabbilita r-raġuni li wasslet għal din it-traġedja – każ li faċilment seta’ inbidel f’diżgrazzja bla preċedent.
It-Tnejn filgħodu, Net News żar is-sit ta’ kostruzzjoni biswit il-binja li ikkollassat; fejn preżenti kien hemm il-President tal-Kamra tal-Periti.
Bħalissa, il-Kamra tal-Periti għaddejja b’investigazzjoni separata minn dik li qed issir min-naħa tal-BCA; investigazzjoni kemm rigward is-sit li waqa’ u anke fuq is-sit ta’ kostruzzjoni.
Wara li l-Perit Puzzito flimkien mal-kollegi daħlu fiż-żona u eżaminaw jekk sarx skavar jew le, hu kkonferma ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li ma sar ebda skavar fis-sit.
Dan l-istazzjon jinsab infurmat li t-Tnejn filgħodu, il-BCA organizzat laqgħa mar-residenti li spiċċaw bla saqaf fuq rashom sabiex ikunu aġġornati bis-sitwazzjoni – bil-futur tagħhom għadu inċert, speċjalment dawk li tilfu l-appartament li kienu jgħixu fih.
Kien tard il-Ħadd filgħaxija meta s-CPD, l-OHSA u l-BCA ikkonkludew il-proċess li permezz tiegħu neħħew il-periklu li kien hemm fis-sit ta’ Paceville. Dan wara ħidma twila u intensiva ta’ tliet ijiem.
Dan il-proċess kien importanti wara li l-binja li iġġarfet l-Erbgħa bil-lejl ma waqgħetx kompletament; u kien hemm nofs l-appartamenti li baqgħu litteralment imdendlin għal isfel. U allura, kien meħtieġ dan l-intervent biex ma tikrollax il-kumplament ta’ Tania Flats.
Fi stqarrija, intqal li l-proċess se jkompli bit-tieni fażi fil-jiem li ġejjin meta għandu jitneħħa kull periklu minn Triq Paceville – minħabba l-fatt li t-terrapien u l-bricks kienu spiċċaw f’nofs ta’ triq.
Apparti minn hekk, se tkompli l-investigazzjoni biex jiġi stabbilit x’ikkawża dan il-kollass – investigazzjonijiet li qed jitmexxew b’mod indipendenti minn professjonisti li ġew appuntati mill-BCA.
//= $special ?>