minn Bernard Grech
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista
Ħames snin ilu dħalt għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista b’sens ta’ dover u responsabbiltà lejn il-pajjiż u lejn il-PN. Dħalt għal din il-kariga bi prijorità ewlenija, dik li ngħaqqad il-Partit. U li nkompli nressqu viċin in-nies. Sena ilu ġibna riżultati inkoraġġanti fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.
Fuq livell personali kienu ħames snin li fihom esperjenzajt emozzjonijiet sbieħ imma wkoll mumenti iebsa ħafna. L-akbar sodisfazzjon tiegħi jibqa’ dak ta’ kull darba li rnexxielna ngħinu lil xi ħadd, kull darba li tajna tama ġdida.
Wasal iż-żmien li dan il-partit li kelli l-privileġġ u l-unur li nkun il-Kap tiegħu, jibda kapitlu ieħor. L-istess sens ta’ dover u responsabbiltà li wassluni biex inħalli kollox u nidħol għall-kariga ta’ Kap, illum iwassluni fil-konvinzjoni li għandi nħalli din il-kariga f’idejn xi ħadd li jista’ jkompli jmexxi lil dan il-Partit ’il quddiem fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
Għadni kemm infurmajt lis-Segretarju Ġenerali li qed nirriżenja mill-kariga ta’ Kap tal-Partit u li qed insejjaħ laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN għal għada biex minnufih jibda l-proċess tal-ħatra ta’ Kap ġdid, kif jipprovdi l-Istatut tal-Partit. Jien se nibqa’ fil-kariga ta’ Kap tal-Partit u tal-Oppożizzjoni sakemm jinħatar is-suċċessur tiegħi biex nassiguraw tranżizzjoni serena.
Inwiegħed li jkun min ikun, tkun min tkun il-Kap il-ġdid tal-Partit, se jsibu s-sapport u l-lealtà assoluta tiegħi.
Grazzi lil kull min kien miegħi f’dan il-vjaġġ.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>