Kummerċ Lokali

Il-BOV isaħħaħ l-ATMs permezz tat-teknoloġija contactless

Tragward ieħor għall-bank fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni

Sittin (60) ATM tal-Bank of Valletta, imxerrda madwar Malta u Għawdex issa qed jaċċettaw tranżazzjonijiet contactless. Dan ifisser li l-klijenti issa jistgħu sempliċiment iressqu l-kard jew il-mobile qrib is-simbolu tal-contactless fuq il-magna biex iwettqu t-tranżazzjoni tagħhom. B’din l-aħħar teknoloġija, meta tintuża l-kard, is-servizzi kollha tal-ATM huma offruti contactless, filwaqt li biex jinġibdu flus kontanti, jista’ jintuża l-mobile. Dalwaqt permezz tal-użu tal-mobile, se jkunu disponibbli wkoll il-funzjonalitajiet kollha, inkluż id-depożiti.

L-ATMs contactless tal-BOV, jinkludu diversi benefiċċji għall-klijenti billi jagħtu aċċess għall-finanzi b’mod aktar veloċi f’dinja dejjem iktar mgħaġġla fejn il-klijenti llum ukoll diġà huma mdorrija jużaw it-teknoloġija contactless għall-pagamenti u servizzi oħra.

Din l-innovazzjoni hija waħda minn bosta inizjattivi ta’ titjib li l-Bank introduċa dan l-aħħar fil-flotta tal-ATMs. Fil-fatt matul is-sena li għaddiet il-Bank biddel 29 ATM qadima ma’ oħrajn ġodda mgħammrin bl-aħħar teknoloġija. Funzjonalità oħra li ġiet introdotta dan l-aħħar, tippermetti l-ATMs jirrekordjaw tranżazzjonijiet ta’ depożitu meta s-sistema tkun temporanjament wieqfa jew qed tiġi aġġornata. Dan ifisser li meta l-ATM terġa’ tibda tiffunzjona, tipproċessa d-depożitu b’mod awtomatiku mingħajr dewmien jew il-ħtieġa ta’ intervent manwali.

Il-BOV introduċa wkoll erba’ Bulk-Deposit ATMs li jinsabu mal-Fergħa ta’ Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, il-Mosta, il-Gżira u f’Santa Venera, eżattament barra l-binja tal-BOV Centre. Il-Bulk-Deposit ATMs jagħtu l-fakultà lill-klijenti tan-negozju jiddepożitaw sa 300 karta tal-flus kontanti f’daqqa, 24 siegħa kuljum.

Meta tkellem dwar dan it-tragward, iċ-Chief Information Officer tal-BOV, Bjorn Ekstedt qal li “Dan huwa tragward ieħor għas-settur bankarju lokali u għal darb’oħra l-Bank of Valletta qed ipoġġi lilu nnifsu fuq quddiem fid-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni. Matul is-sena li għaddiet komplejna nintroduċu iktar magni ġodda, biex issa madwar 60% tal-ATMs huma ġodda filwaqt li qegħdin fil-proċess li nbiddlu l-kumplament tal-magni fil-futur qrib. Barra minn hekk, bi pjaċir nirrimarka li l-magni tagħna issa nistgħu insejħulhom ITMs – Magni Interattivi minflok Awtomatiċi. B’hekk qed inkomplu ntejbu l-benefiċċji għall-klijenti permezz tal-avvanzi fit-teknoloġija. L-ATMs il-ġodda jinkorporaw ukoll diversi funzjonalitajiet innovattivi li se nkunu qed inniedu sal-aħħar ta’ din is-sena”.

Iċ-Chief Personal and Wealth Officer tal-BOV, Simon Azzopardi, spjega kif l-iżviluppi l-ġodda fl-ATMs tal-BOV ikomplu jsaħħu l-esperjenza tal-klijenti. “L-ATMs Contactless jipprovdu lill-klijenti tagħna aċċess aħjar u iktar faċli. Dan ifisser servizz iktar veloċi, sigur u iktar konvenjenti xprunat mill-aħħar teknoloġija. Waqt li qed inkomplu niffaċilitaw il-ġbid tal-flus, inkomplu nħeġġu l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ kif wieħed jista’ jħallas. Dawn il-mezzi innovattivi jpoġġu iktar enfasi fuq l-użu tal-mobile bl-iktar mod effettiv. B’hekk jiġi kkumplimentat ukoll l-użu usa’ tal-ismartphones b’kartieri diġitali għall-pagamenti oħra. L-ATMs Contactless jagħtuna l-opportunità li gradwalment innaqqsu l-produzzjoni tal-kards tal-plastic u b’hekk inkunu qed nikkontribwixxu direttament biex nipproteġu l-pjaneta u nħaddnu prattiċi bankarji sostenibbli.”