Lokali

Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju: Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-PN

“Dan huwa eżerċizzju ta’ tiġdid… sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ”.

Iddikjara dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Charles Bonello, ftit jiem biss ‘il bogħod mill-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista – Kunsill li permezz tiegħu se jingħata bidu għall-proċess sabiex il-Partit Nazzjonalista jkollu Kap ġdid.

Fil-kummenti li ta lil din il-kamra tal-aħbarijiet, Charles Bonello spjega li l-Kunsill Ġenerali ta’ nhar il-Ħadd 22 ta’ Ġunju se jkun qed jitlaqqa’ sabiex jissokta l-proċess tal-ħatra ta’ Kap ġdid u biex jiġu preżentati xi emendi; b’waħda mill-emendi statutorji li se jitressqu tkun sabiex żgħażagħ ta’ bejn l-14 u t-18 il-sena jistgħu jivvotaw jekk ikunu ilhom tesserati aktar minn 6 xhur.

Intant, Charles Bonello spjega l-proċess li se jwassal sabiex il-Partit Nazzjonalista jkollu Kap ġdid.

Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja wkoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tax-xogħol tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin.

Charles Bonello tenna li minkejja li għaddej proċess intern li se jippermetti li l-Partit Nazzjonalista jkollu Kap ġdid – il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista, anke fl-Oppożizzjoni se tibqa’ għaddejja bl-istess intensità kif kienet.