Lokali

Il-producer tal-films Rexal Ford arrestat fil-Greċja akkużat bil-qtil ta’ martu u binthom ta’ sitt xhur f’Ruma

Rapporti internazzjonali qed jgħidu li l-koppja żżewġu Malta – It-tarbija maqtula aktarx li twieldet f’Malta

Każ serju ta’ qtil doppju ta’ mara u bintha qajjem sensazzjoni fl-Italja hekk kif ilbieraħ tħabbar li Rexal Ford, producer tal-films, kien arrestat nhar il-Ġimgħa li għadda fil-Greċja b’akkużi li qatel lil martu u binthom, tarbija ta’ ftit xhur, waqt li kienu f’Villa Pamphili, Ruma.

Ford, Amerikan ta’ 46 sena, kien arrestat fuq il-gżira Griega ta’ Skiathos. Hu kien ilu l-Italja minn April li għadda meta wieġeb sejħa f’Ruma għal direttur ta’ film li kien hemm l-intenzjoni li jinħadem f’Firenze.

Qed jingħad li fit-8 ta’ Ġunju Ford bagħat messaġġ lill-kumpanija li ħarġet is-sejħa biex jistaqsi għal risposta. Dakinhar il-mara u t-tifla kienu diġà mejtin u abbandunati fil-Villa Pamphili, f’Ruma.

Dettall interessanti li qed ikun rappurtat fil-midja internazzjonali, partikolarment fl-Italja, hu li possibbilment il-koppja żżewġu f’Malta fejn aktarx li twieldet ukoll it-tifla tagħhom ftit xhur ilu. Sal-bieraħ jingħad li l-investigaturi kienu għadhom ma stabbilixxewx iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-koppja. Li hu żgur li Ford kien Malta ftit żmien ilu, u wara għamel xi żmien ir-Russja. Fl-aħħar sentejn kien qed jgħix fl-Ewropa, u jingħad li fl-Amerika kellu każijiet pendenti ta’ vjolenza fuq nisa.

Intant sal-bieraħ kienet għadha mhux magħrufa l-identità tal-mara maqtula, aktarx b’daqqiet ta’ sikkina, imma l-indikazzjonijiet tal-Pulizija huma li tista’ tkun Ukrena jew Russa aktarx ta’ 29 sena.

Il-Pulizija Taljana lbieraħ talbet lill-awtoritajiet Griegi għall-estradizzjoni ta’ Rexal Ford, li sal-bieraħ kien miżmum arrestat f’post sigur fil-Greċja. Madankollu jista’ jkun li anki l-Istati Uniti jitolbu l-estradizzjoni tar-raġel minn California.

Qed jingħad li l-investigaturi sabu dettalji fil-mobile ta’ Ford li jindikawh bħala l-qattiel tal-mara u t-tifla. Hu jidher li ħarab mill-Italja lejn il-Greċja mal-ewwel okkażjoni wara l-qtil ta’ martu u bintu. Bħalissa l-Pulizija Griega qed tikkonferma, permezz tad-DNA, li t-tarbija maqtula hi tassew it-tifla ta’ Ford.

Dwar l-identità tal-mara nifhmu li l-Pulizija Griega jew Taljana għamlet u qed tagħmel kuntatt mal-awtoritajiet Maltin biex ikun konfermat li ż-żwieġ tal-koppja seħħ tabilħaqq f’Malta, fatt li jista’ jwassal għall-identità tal-vittma.

Mal-arrest tiegħu Ford ma għamel l-ebda riferenza għal dak li seħħ lil martu u bintu u ma għamel l-ebda reżistenza fil-konfront tal-pulizija Griegi u Taljani li arrestawh fil-gżira ta’ Skiathos, kif jindika l-filmat maħruġ ilbieraħ mill-kwartieri ġenerali tal-Pulizija Taljana f’Ruma.