minn Andrew Agius
Kandidat tal-PN fuq it-Tielet Distrett
F’dawn l-aħħar ġimgħat, ġew pubblikati żewġ ‘surveys’ sinifikanti li jitfgħu dawl fuq il-burdata politika tal-poplu. X’jgħidu dawn in-numri?
L-istħarriġ tal-Malta Today dwar il-preferenzi politiċi juri kif il-Partit Laburista naqqas b’mod konsiderevoli l-astensjoni fost il-partitarji tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jiġbed lejh 3.4% ta’ votanti Laburisti, iżda fl-istess ħin tilef 7.1% mill-partitarji tiegħu stess li qed jersqu lejn il-partiti ż-żgħar. Barra minn hekk, ’il fuq minn 10% tal-votanti Nazzjonalisti tal-2022 qed juru tendenza ta’ astensjoni.
Fl-istħarriġ L-istat tan-Nazzjon, ħarġet stampa aktar kerha: terz tal-popolazzjoni jammetti li l-politika m’għandhiex post fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Din l-aljenazzjoni hija iktar qawwija fost iż- żgħażagħ, fejn 20% biss jagħtu xi forma ta’ importanza lill-politika. Barra minn hekk, aktar minn 40% tal-parteċipanti qalu li l-opinjonijiet tagħhom ma jiġux influwenzati mill-pożizzjoni tal-partit li jappoġġjaw.
Dan iwassal għal mistoqsija ċara: għaliex għandna popolazzjoni daqstant kbira – l-aktar ta’ età medja – li m’għadhiex tħoss rabta mal-politika f’pajjiż b’tradizzjoni demokratika qawwija u b’livelli ta’ votazzjoni storikament għoljin?
Il-verità hija li n-nies qed jitbiegħdu mill-politika minħabba sens ta’ diżillużjoni u qtigħ il-qalb. Għandna Gvern immexxi minn klassi politika li ilha snin imħabbta fi skandli u akkużi ta’ korruzzjoni. In-nepotiżmu qered il-mertu.
Il-‘big business’ mexa ’l quddiem minfuq l-intrapriżi ż- żgħar u d-diskors politiku nħataf minn interessi privati. Dan kollu ħoloq vojt morali li ħalla lil bosta ċittadini, speċjalment iż-żgħażagħ, ħaddiema, studenti u familji żgħar, iħossuhom minsijin u emarġinati. Il-messaġġ huwa wieħed: in-nies m’għandhomx għalfejn jivvutaw jekk ma jarawx valur fil-politika.
Nibqgħu nisimgħu, naħdmu u nitkellmu
Imma l-Partit Nazzjonalista qed joffri alternattiva. Mhux bil-kliem biss imma b’azzjonijiet, b’ideat, b’viżjoni u b’nies kapaċi li lesti jaħdmu. L-isfida hija enormi. Il-PN qed jiffaċċja kurrent qawwi ta’ retorika negattiva, attakki medjatiċi u sfiduċja mifruxa. Hemm min irid iżomm l-‘istatus quo’ u jxekkel il-bidla, inkluż il-midja Laburista u anki wħud indipendenti li spiss jarmu dubji fuq il-validità tal-Partit Nazzjonalista.
Madankollu, il-PN għandu biżżejjed talent, enerġija u soluzzjonijiet biex iwassal politika ġdida, politika man-nies u għan-nies. Politika li tisma’, tirrispetta u taħdem favur il-ġid komuni. Politika li tqiegħed lis-sewwa qabel il-poter, u li tpoġġi l-Malti u l-Maltija fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.
Għalhekk, ejja nifhmu l-għerq tal-problema: in-nies iridu politika onesta, serja u rilevanti. Aħna rridu nisimgħu il-messaġġ li qed jgħaddulna, inkunu l-vuċi tagħhom, inġibu tama ġdida u nfasslu politika li tassew tagħmel differenza fil-ħajja tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’dan. U jekk nibqgħu nisimgħu, naħdmu u nitkellmu b’ċarezza u kuraġġ – nemmen li iva, nistgħu naslu biex nagħtu lill-poplu tagħna l-Gvern li jixraqlu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 16 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>