Lokali Qorti

Jibda l-ġuri ta’ żewġt irġiel mixlija bil-qtil doppju f’Tas-Sliema fl-2020

Il-ġuri tar-raġel mill-Albanija u ieħor mill-Maċedonja ta’ Fuq akkużati bil-qtil doppju fi Triq Locker, f’Tas-Sliema, kważi ħames snin ilu beda t-Tnejn quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras. Daniel Muka ta’ 30 sena u Viktor Dragomanski ta’ 41 sena, bdew għaddejjin ġuri kmieni t-Tnejn waranofsinhar akkużati bl-omiċidju tat-tabib Christian Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena.

Huma kienu nqatlu b’tiri fid-dar tagħhom, fit-18 ta’ Awwissu, 2020. Diversi membri tal-familja tal-vittmi huma preżenti għal dan il-ġuri. Quddiem preżenza qawwija ta’ Pulizija u uffiċjali tas-sigurtà. l-ġuri ttardja bi tliet sigħat minħabba li nqalgħu xi ntoppi fl-awla, bil-midja u ħadd mill-membri tal-pubbliku ma jingħataw aċċess li jidħlu biex jirrapportaw jew jisimgħu dak li kien qed iseħħ.

Minn informazzjoni li kiseb Net News li ġara hu li Muka ried li l-ġuri jerġa’ jiġi differit minħabba li huwa qabbad lill-Avukat Mario Mifud nhar il-Ħamis li għadda, u huwa qal lill-Qorti li l-Avukat il-ġdid tiegħu ma kellux ħin biżżejjed biex jipprepara għall-ġuri.

Din it-talba ma ġietx milqugħa mill-Qorti, li minn naħa tagħha ordnat lill-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana li kienet qed tiddefendi dan l-aħħar lil Muka biex tibqa’ fil-każ ukoll. Fil-każ ta’ Muka, il-ġuri diġà kien ġie differit darbtejn. Sadanittant ġie deċiż ukoll li Muka ma joqgħodx fl-iżbarra imma fil-kamra ta’ wara tal-awla u jsegwi kollox minn fuq il-monitor, u dan għal raġunijiet ta’ sigurtà.

L-ewwel ġuri fil-konfront ta’ Muka kellu jsir f’Mejju tal-2023 u li ġie differit u wara kellu jsir f’Ottubru tal-2023 li wkoll spiċċa differit. Dan peress li Daniel Muka kien irrifjuta fl-aħħar mumenti li jkun rappreżentat mill-avukat tiegħu.

Muka qed jiffaċċja 10 kapi ta’ akkuża filwaqt li Dragomanski qed jiġi akkużat bi tliet kapi ta’ akkuża li jinkludu l-kompliċità fil-qtil taż-żewġt irġiel. Pandolfino kien instab fejn il-bieb tar-residenza b’erba’ balal f’sidru, f’għonqu u f’rasu filwaqt li Maciejowski nstab fis-sular ta’ fuq b’balla waħda f’rasu.

Filmati tas-CCTV kienu qabdu tlett irġiel jidħlu fir-residenza fil-ħin tad-delitt u aktar tard jaħarbu b’vettura bajda. Il-filmati żvelaw ukoll li Pandolfino kien daħal fid-dar ftit tal-ħin qabel is-suspettati, u Maciejowski kien diġà ġewwa.

Daniel Muka kien ġie arrestat bħala suspettat ewlieni fil-qtil tal-koppja, f’rejd fil-Furjana. Id-Daniż, Jesper Kristiansen, ir-raġel l-ieħor akkużat b’rabta ma’ dan l-omiċidju, kien ammetta l-akkużi u ġie kundannat 40 sena ħabs.

Daniel Muka, qed jiġi akkużat li spara fatalment lil Pandolfino u Maciejowski u li seraq b’aktar minn €2,329 f’ġojjellerija u oġġetti oħra, apparti akkużi relatati. Dragomanski wkoll qed jiġi akkużat b’rabta mal-qtil u diversi akkużi oħra simili ta’ Muka.

Fost l-akkużi hemm ukoll fil-pusses ta’ arma tan-nar u munizzjon mingħajr liċenzja, li użaw vettura misruqa, u li serqu żewġ pjanċi tal-liċenzja tal-vetturi. Muka u Dragomanski qed jikkontestaw l-akkużi: dik ta’ omiċidju intenzjonat, serq akkumpanjat bl-omiċidju intenzjonat, serq aggravat bi vjolenza, ammont, ħin u lok, detenzjoni illegali u li ssekwestraw liż-żewġ vittmi kontra l-volontà tagħhom filwaqt li ssottomettihom għal ġrieħi.

Muka jinsab akkużat ukoll b’estorsjoni ta’ flus jew proprjetà, pussess ta’ arma tan-nar waqt it-twettiq ta’ reat, użu ta’ pjanċi tal-liċenzja misruqa minn karozza oħra, maniġġ ta’ proprjetà misruqa. It-tielet persuna involuta fil-każ – id-Daniż Jesper Kristiansen kien ammetta flok għadda ġuri, il-kompliċità fil-qtil wara li kien ippreżenta nota quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras.

Kristiansen li llum għandu 34 sena u li kien ġie estradiet lejn Malta minn Spanja ftit xhur wara l-qtil, kien ġie kundannat 40 sena ħabs fuq il-qtil wara li d-difiża mmexxija mill-Avukat Stefano Filletti u l-Avukat Kevin Valletta li qed imexxi l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali qablu ma’ din il-piena.

Kristiansen diġà xehed quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia dwar il-każ. Huwa mistenni jkun ix-xhud prinċipali fil-ġuri. Huwa kien xehed fil-kumpilazzjoni li: “Daniel Muka daħal f’residenza f’Tas-Sliema b’pistola f’idu u spara fuq ġewwa u qatel koppja.

“Jien u Dragomanski qatt ma ridna li naslu s’hawn. Ridna biss nidħlu nisirqu għax dan kien il-pjan li eskala b’tali mod li jien qatt ma ridt. Għalija jien ridt inwettaq is-serqa meta ma jkun hemm ħadd id-dar, imma sfortunatament dan ma seħħx.”

Huwa qal li kien ippanikja meta Muka spara lejn il-vittmi, xi ħaġa li huwa qatt ma ried li sseħħ għax mar biss maż-żewġ ħbieb tiegħu biex iwettqu s-serqa. Tenna li huwa ma kienx ra viżwalment lill-vittmi jinqatlu. Qal li l-għada kien ra u sema’ kollox fuq il-mezzi soċjali u wara telaq lejn Spanja.

Kristiansen kien qal ukoll li kemm hu kif ukoll Dragomanski kienu inkwetati u urtati dwar dak li kien seħħ għaliex it-tnejn li huma ma kellhom l-ebda pjan li jinqatlu xi persuni. Jesper Kristiansen kien tenna wkoll li l-ftehim kien sar bejnu u Muka ma mexiex skont il-pjan.

Huwa qal ukoll li kien qabel ma’ dan bil-kundizzjoni li ma jkun hemm ħadd id-dar. Kulma kien jaf hu li l-post kien f’Tas-Sliema. Id-Daniż kien qal fil-Qorti lil Muka li importanti li ma jweġġgħu lil ħadd. Dik li jidħlu jieħdu li għandhom jieħdu u jitilqu ‘l barra. Sa hawn qal ix-xhud kien kollox sew, imma ma ġarax hekk.

Il-prosekjuzzjoni fl-akkużi tagħha qed tgħid li fil-jum tal-qtil, Muka u Dragomanski użaw karozza bajda li kienet ipprovduta minn Muka. Bidlu l-pjanċi tar-reġistrazzjoni. Meta waslu fid-dar f’Tas-Sliema, Muka, li kien qed iġorr portmoni żgħir tal-irġiel, mar l-ewwel iċempel il-qanpiena tal-bieb, filwaqt li hu baqa’ ftit passi lura.

Dragomanski baqa’ barra ħdejn il-karozza. Xi ħadd fetaħ il-bieb, u sema’ diskussjoni bejniethom. Meta l-bieb reġa’ nagħlaq, Kristiansen sema’ ħsejjes ta’ tiri. Meta ċempel hu l-qanpiena, fetaħlu Muka b’pistola f’idu. Il-persuni kien ħadu l-ġojjellerija u ħarbu minn fuq il-post.

Tard wara nofs inhar l-Imħallef Natasha Galea Sciberras tgħat gwida lill-ġurati dwar kif għandhom jiffaċċaw ġuri b’mod legali u li għandhom jiżnu kollox dak li jingħad fl-awla. L-ewwel xhieda fil-ġuri li mistennija jkunu membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom jibdew jixhdu t-Tlieta filgħodu.

Il-Prosekuzzjoni fil-ġuri ta’ Muka u Dragomanski qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.  L-Avukati Joe Giglio u Michaela Giglio qed jidhru għall-qraba taż-żewġ vittmi. L-Avukati Mario Mifsud u Josette Sultana qed jidhru għal Muka filwaqt li l-Avukati Josè Herrera u Alexander Scerri Herrera għal Dragomanski.