Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest fl-ewwel seduta raġel mixli b’importazzjoni ta’ amfetamina

Gabriel Zarb, residenti San Ġwann – wieħed minn żewġ irġiel li ġew mixlija fil-ġimgħa li għaddiet li daħħlu kilo amfetamina bil-posta, ingħata l-ħelsien mill-arrest fl-ewwel seduta wara li tressaq il-Qorti, wara li l-Maġistrat Elaine Rizzo semgħet li fl-4 ta’ Ġunju, il-Pulizija ġew ikkuntattjati minn impjegat ta’ MaltaPost li informa li kienu għadhom kif irċevew pakkett suspettuż li seta’ kien fih droga.

Il-Pulizija marru immedjatament MaltaPost, fejn ikkonfiskaw il-pakkett u minflok poġġew pakkett falz. Dan il-pakkett falz ġie mqiegħed fil-locker tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, fejn Gabriel Zarb ta’ 26 sena, ġie osservat jiftaħ il-locker billi uża l-kodiċi li kien ingħata.

Huwa ġie arrestat minnufih, u waqt l-interrogazzjoni tiegħu mal-Pulizija kkollabora magħhom u informa li kien akkumpanjat minn ħabibu Danilo Zahra, li jgħix fl-istess blokka ta’ appartamenti miegħu. Gabriel Zarb ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €7,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma fl-Għassa ta’ San Ġiljan kuljum bejn it-8am u t-8pm. u li jkun id-dar sal-10pm u ma joħroġx qabel is-6am.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, megħjun mill-Ispettur John Leigh Howard – filwaqt li d-difiża ta’ Gabriel Zarb kienet immexxija mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.