Kultura Lokali

Konferenza u dawriet gwidati b’rabta mal-iskoperti mid-Domvs Romana

Domus Romana
Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku jesplora l-aħħar skoperti mill-proġett Melite Civitas Romana li għaddej bħalissa fid-Domvs Romana fir-Rabat. Liema proġett għandu l-għan li jerġa' jeżamina d-Domvs Romana bl-użu ta' teknoloġiji arkeoloġiċi mill-aktar avvanzati.

Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku jesplora l-aħħar skoperti mill-proġett Melite Civitas Romana li għaddej bħalissa fid-Domvs Romana, fir-Rabat. Liema proġett għandu l-għan li jerġa’ jeżamina d-Domvs Romana bl-użu ta’ teknoloġiji arkeoloġiċi mill-aktar avvanzati.

Fir-raba’ staġun tal-iskavi tiegħu, il-proġett Melite Civitas Romana huwa inizjattiva ta’ riċerka internazzjonali b’saħħitha mmexxija minn Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-Istitut għall-Esplorazzjoni Diġitali tal-Università ta’ South Florida u Intercontinental Archaeology.

Konferenza pubblika se tittella’ nhar is-Sibt 21 ta’ Ġunju fil-Katakombi ta’ San Pawl, u se tippreżenta s-sejbiet mill-istaġun tal-iskavi tal-2024, b’taħditiet mid-diretturi u l-kontributuri tal-proġett, segwiti minn sessjoni ta’ mistoqsijiet mill-pubbliku. Il-postijiet huma limitati.

Intant, fl-24 ta’ Ġunju, id-Domvs Romana se toffri ħames dawriet gwidati bejn it-8am u l-10am kull nofs siegħa, bl-aħħar tour fl-10am. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu josservaw l-arkeologi fuq xogħolhom u jiksbu għarfien dwar ir-riċerka kontinwa tas-sit.

Matul dan il-jum, il-ħlas għad-dħul fis-sit se jkun imraħħas tant li membri ta’ Heritage Malta, tfal taħt il-11-il sena, u tfal, żgħażagħ u anzjani li għandhom il-passaport ta’ Heritage Malta, se jkunu jistgħu jidħlu b’xejn.