F’Ġunju bdiewa għarqana u wċuħ daħkana, jgħid il-Malti.
U nhar is-sibt jiftaħ uffiċjalment l-istaġun tas-sajf – l-istaġun tal-festi, tal-vaganzi, ġranet twal ħdejn il-baħar, ikliet sa tard bil-lejl, u dak kollu li jikkaratterizza s-sajf tipiku Malti.
Iżda filwaqt li t-temperaturi diġà qed imissu l-35 grad, u s-sħana bdiet tikkarga sew… jidher li matul din il-ġimgħa se jkollna ġranet ta’ maltemp.
Fil-fatt, qed ikun imbassar li bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, il-Gżejjer Maltin mistennija jintlaqtu minn xita iżolata matul il-jum. U dan se jwassal biex it-temperaturi jerġgħu jinżlu taħt it-30 grad.
Il-Ħamis, l-għola temperatura se tkun ta’ 29 grad celcius, filwaqt li l-Ġimgħa mistennija tkun aktar friska – 27 grad. Bir-riħ ivarja bejn Forza 2 u Forza 3.
F’dawn il-jumejn, iċ-ċans li tagħmel xita qed jimmarka bejn 35% u 40%.
Imbagħad, mis-sibt, it-temp se jerġa’ jaqleb. U t-temperaturi jerġgħu lura għal dak li mdorrijin bih f’dan iż-żmien tas-sena. Bis-sħana tibqa’ tirranka sew għall-ġimgħa tal-Imnarja.
//= $special ?>