Lokali

Mhix l-ewwel darba li l-proċess tat-twaqqigħ seħħ mingħajr ir-rapport tal-ġeoloġi

It-traġedja li ġrat il-ġimgħa l-oħra f’Paceville fakkret fil-kollas tal-bini fil-Ħamrun lura f’Marzu tal-2020. Avveniment li wassal għal mewt ta’ Miriam Pace .

Dakinhar ukoll, il-proċess tat-twaqqigħ seħħ mingħajr ir-rapport tal-ġeoloġi.

Fi kliem il-Kamra tal-Ġeoloġi, il-kollass tal-blokka Tania Flats seħħ minħabba li punti fil-bini fallew; xhieda ta’ fallimenti min-naħa tal-BCA. Bil-Kamra tal-Ġeoloġi tesprimi t-tħassib tagħha… u tfakkar li l-BCA hi awtorità li ġiet stabbilita propju sabiex tevita traġedja bħal din milli tiġri.

Il-Kunsill tal-Kamra tal-Ġeoloġi enfasizza l-fatt li l-BCA għal darb’oħra qed tkompli tonqos milli tirrikonixxi lill-Kamra tal-Ġeoloġi bħala stakeholder fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni.

Intqal illi kontinwament, il-BCA qed tirriġetta lill-membri tac-Chamber fil-kunsill konsultattiv tal-bini u l-kostruzzjoni.

Barra minn hekk, il-Ġeoloġi jemmnu li l-awtoritajiet għandhom ikunu pro-attivi. U innotaw kif m’hemm l-ebda evidenza li turi li kien hemm investigazzjoni tal-art – aħseb u ara rapport ġeoloġiku tas-sit f’Paceville; bix-xogħol ta’ twaqqigħ isir xorta waħda.

Il-kamra tal-Ġeoloġi rrimarkat ukoll kif din it-traġedja f’Paceville tixħet dawl fuq il-bżonn ta’ riforma fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni; riforma li essenzjalment għandha bżonn tinkludi u tisma’ l-professjoni kollha.

Il-Kamra tal-Ġeoloġi fi stqarrija kkonkludew li l-gvern għandu bżonn jimplimenta ir-rekomandazzjonijiet li hemm fir-rapport Jean Paul Sofia fejn kien intqal li kull tip ta’ skavar jeħtieġ li jsir wara rapport ta’ ġeologu.

Aktar dewmien fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakamondazzjonijiet ma jkunu xejn ħlilef aljenazzjoni tas-sigurtà pubblika, stqarret il-Kamra tal-Ġeoloġi.