Kultura Lokali

Esebizzjoni tal-arti bl-isem ta’ ‘In Search of the Unknown’

Esebizzjoni tal-arti ġdida, bl-isem ta’ In Search of the Unknown se tittella’ mill-artist rinomat, Darren Tanti bil-għan li turi l-proċess kreattiv wara l-arti, aktar milli l-proġett komplut.

Din l-esebizzjoni se toffri esperjenza ta’ open studio u se tagħti wkoll sfond tal-ħsieb tal-artist, ispirazzjonijiet, żviluppi u ostakli li esperjenza biex wettaq tali xogħol artistiku. Dan il-proġett huwa wieħed li sar fuq livell personali.

In Search of the Unknown se tiftaħ għall-pubbliku fl-20 ta’ Ġunju, fis-7.30pm fil-Kamra ta’ Fuq, fl-Imqabba.

Tanti, li għandu ‘l fuq minn 15-il sena ta’ esperjenza fl-edukazzjoni tal-arti, tella’ din l-esebizzjoni bl-istess enfasi fuq il-proċess li jrawwem lil istudenti tiegħu bih.

Uħud mill-esebizzjonijiet notevoli li għamel fil-passat jinkludu, Time, Space, Existence f’Palazzo Mora matul the Venice Architecture Biennale fl-2014 kif ukoll Homo Melitensis f’Venice Art Biennale fl-2017.

In Search of the Unknown se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sas-6 ta’ Lulju. Dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-arti, studenti u l-pubbliku inġenerali huma mħeġġin sabiex jattendu għal din l-esebizzjoni mill-isbaħ.