Futbol Sport

Wara sitt staġuni ma’ Floriana, Matías García jissieħeb ma’ Ħamrun Spartans

Wara sitt staġuni ma’ Floriana, Matías García jissieħeb ma’ Ħamrun Spartans
Wara sitt staġuni ma’ Floriana, Matías García jissieħeb ma’ Ħamrun Spartans

Ħamrun Spartans qed ikomplu bil-ħidma tagħhom għal bidu ta’ staġun ġdid, iżda wisq aktar għall-ewwel impenn li se jkohhom dalwaqt, dak Ewropew fil-UEFChampions League, meta fl-aħħar sigħat iffinaliżżaw it-trasferiment tal-Arġentin, naturaliżżat Malti, Matías Nicolás García mingħand Floriana.

Għalkemm fuq il-midja soċjali, Ħamrun Spartans għadhom ma ħabbru ebda mill-akkwisti l-ġodda tagħhom, isem García jsegwi dak tal-internazzjonali mill-Litwanja, Domantas Simkus.

Isem Simkus tħabbar mill-President ta’ Ħamrun Spartans, Joseph Portelli fil-jiem li għaddew meta l-klabb organizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tiegħu.

García, li x-xahar li ġej jagħlaq 29 sena, kien inġieb f’Malta fis-sajf tal-2017 minn Senglea Athletic meta dawn tal-aħħar kienu qed jilgħabu fl-oħgla diviżjoni tal-futbol Malti.

Żewġ staġuni wara, García ssieħeb ma’ Floriana fejn f’sitt staġuni jilgħab magħhom, rebaħ l-akbar żewġ unuri tal-futbil Malti; il-Kampjonat Premier u l-FA Trophy.

García, kien wieħed mill-plejers iddentifikat mill-eks kowċ ta’ Malta, Devis Mangia sabiex jingħata ċ-ċittadinanza Maltija. Sal-lum García darbtejn ma’ Malta, u fid-darbtejn f’żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Venezwela u ċ-Ċekja.

García b’hekk se jingħaqad mal-bqija tal-iskwadra Ħamruniża, taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid, Giacomo Modica għal ġimgħatejn ta’ taħriġ intensiv li t-tim kollu se jkun qed jagħmel fl-Italja. Replay hu infurmat li dan it-taħriġ se jkun qed jinżamm fin-naħa t’isfel tal-Italja.

Intant mit-tim li rebaħ it-tielet Kampjonat konsekuttiv, fil-laqgħa ġenerali annwali sar magħruf li tliet barranin oħra ta’ Ħamrun Spartans m’għadhomx aktar parti mill-iskwadra. Dawn huma Roko Prsa, Elionay Freitas, u Raphael Lopes Silva.

Minn dak li nafu b’ċertezza s’issa, hemm ukoll żewġ plejers oħra Maltin li m’għadhomx ma’ Ħamrun Spartans. Dawn huma captain Steve Borg u d-difensur Matthias Ellul.

Fil-każ ta’ Borg, il-futur tiegħu għad irid jiġi deċiż filwaqt li l-left back ta’ 20 sena, Ellul mistenni jkun żvelat bħala wieħed mit-tmien akkwisti l-ġodda ta’ Valletta fil-jiem li ġejjin.