“Il-ħajja mhijiex tagħna… hija ta’ Alla.”
Dan intqal mil-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Anton Teuma matul ċerimonja li fiha sar it-tberik tat-trabi fil-ġuf; ċerimonja li saret nhar is-Sibt li għadda, fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu.
L-Isqof Teuma indirizza omelija li tmur fil-qalba ta’ wieħed mill-aktar suġġetti sensittivi tal-lum: il-valur tal-ħajja umana u l-limiti tal-kontroll tagħna fuqha.
Monsinjur Teuma spjega kif iż-żmien tat-tqala, minkejja l-ansjetà li jġib miegħu, iħallina nintebħu bl-esperjenza fundamentali tal-bniedem: li l-ħajja hi rigal u mhux propjetà tagħna.
Fi kliem li jirrifletti b’mod sottili fuq l-argument favur jew kontra l-ewtanasja, l-Isqof semma’ li meta nippretendu li għandna kontroll assolut fuq ħajjitna, inkunu qed nidħlu fl-illużjoni li aħna alla għalina nfusna.
Hu fakkar li l-Knisja hi kontra kull forma ta’ intervent li jtemm ħajja umana b’mod deliberat, inkluż l-ewtanasja.
Il-messaġġ tal-Knisja hu wieħed ċar: il-ħajja tibda minn Alla u għandha tintemm biss meta jkun hu li jagħlaq il-kapitlu.
Ir-relazzjoni tagħna mal-ħajja – kemm fl-istadju inizjali tagħha, kif ukoll fil-mumenti ta’ tbatija u ansjenità – trid tibqa’ dejjem għeruqha f’din il-verità spiritwali, sostna Monsinjur Teuma. Bl-Isqof jappella wkoll għall-paċenzja u l-istennija bħala esperjenzi li jgħallmuna nafdaw.
“L-istennija turina li mhux kollox taħt idejna, u tagħtina l-umiltà li nirrikonoxxu li hemm xi ħadd ieħor, Alla, li għandu l-kelma l-aħħar fuq il-ħajja.”
Il-Knisja, f’dan il-kuntest, qed tfakkana li d-dritt tal-bniedem ma jistax jespandi sal-punt li jiddeċiedi meta u kif ħajtu għandha tispiċċa. L-ebda teknoloġija medika, ebda kumdità legali, u l-ebda uġigħ, għalkemm veru u ta’ rispett, ma jagħtuna s-setgħa li neħduha f’idejna biex inqabdu d-direzzjoni tal-mewt.
Finalment, l-Isqof Teuma wassal messaġġ li, minkejja l-kontroversja li ddur mat-tema tal-ewtanasja, fakkar li l-ħajja hi relazzjoni ma’ Alla, u mhux dritt li jista’ jiġi miċħud jew mogħti fuq ordni tal-bniedem.
//= $special ?>