Atlas Insurance fakkret il-25 anniversarju tas-sħubija tagħha mal-grupp globali AXA – kollaborazzjoni li għenet jissawwar il-qasam tal-kura tas-saħħa f’Malta mis-sena 2000 ‘l hawn.
Din l-okkażjoni ġiet imfakkra permezz ta’ avveniment li għalih attendew l-impjegati ta’ Atlas u kumpaniji intermedjarji, flimkien mal-membri tat-tim ta’ tmexxija ta’ AXA. Iċ-ċelebrazzjoni serviet bħala rikonoxximent ta’ din is-sħubija dejjiema u kienet tinkludi kollezzjoni ta’ memorabilia li jfakkru avvenimenti sinifikanti fl-iżvilupp ta’ din il-kollaborazzjoni matul l-aħħar kwart ta’ seklu.
Catherine Calleja, Managing Director ta’ Atlas Healthcare, enfasizzat l-impenn tal-kumpanija għal titjib kontinwu. “Bħala kumpanija ewlenija fis-settur tal-assigurazzjoni tas-saħħa lill-klijenti kummerċjali, Atlas Healthcare tħaddan ferm aktar minn 40% tas-suq. Is-sħubija mal-AXA tiffaċilita numru ta’ servizzi għall-klijenti tal-kura tas-saħħa ta’ Atlas, inkluż ħlas dirett ma’ sptarijiet barranin fin-netwerk tal-AXA, kif ukoll AXA Assistance u diversi servizzi oħra ta’ appoġġ li jippermettu aċċess għal servizzi tas-saħħa globali.”
Xavier Lestrade, Chief Executive Officer ta’ AXA Health International, żied jgħid “Il-Partnerships and Reinsurance Team ta’ AXA Health International ilu jappoġġja lil Atlas sa mill-bidu tas-sħubija tagħna 25 sena ilu u kien kuntent li jattendi l-avveniment ta’ ċelebrazzjoni biex jitfakkar il-25 anniversarju ta’ din il-kollaborazzjoni. Is-sħubija tagħna kienet strumentali biex jitwasslu soluzzjonijiet innovattivi fil-kura tas-saħħa lill-klijenti f’Malta u barra. Flimkien, espandejna b’suċċess l-offerti tagħna u tejjibna l-aċċess għas- servizzi essenzjali tas-saħħa, filwaqt li niżguraw li l-klijenti tagħna jirċievu l-aħjar kura possibbli. Aħna kburin ħafna li s’issa niffurmaw parti minn dan il-vjaġġ ta’ suċċess u nħarsu ’l quddiem biex inkomplu ninnovaw u ntejbu s-servizzi li noffru fis-suq.”
Matul is-snin, Atlas investiet kontinwament fit-titjib tas-servizzi tagħha u biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Is-sħubija mal-AXA kibret mill-ħatra ta’ Atlas bħala aġenzija tal-AXA PPP healthcare fis-sena 2000 għal sħubija fil-qasam tar-riassigurazzjoni. Il-konnessjoni mal-AXA ppermettiet lil Atlas tintroduċi l-prodott tal-assigurazzjoni dentali korporattiva kif ukoll il-Lyra Employee Wellbeing Programme, l-uniku programm ta’ assistenza għall-impjegati 24/7.
//= $special ?>