Futbol Sport

Avversarji mill-Moldova u Wales għal Birkirkara u Floriana rispettivament

It-trofew tal-UEFA Ewropa Conference League
It-trofew tal-UEFA Ewropa Conference League

L-avversarji ta’ żewġ timijiet oħra Maltin, li fl-istaġun il-ġdid 2025/26 se jkunu qed jilgħabu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, għadhom kemm saru magħrufa ukoll. Dawn huma Birkirkara u Floriana, filwaqt li għada jkunu magħrufa min possibilment se jkunu l-avversarji ta’ Hibernians fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa Conference League.

Birkirkara u Floriana se jkunu qed jilgħabu fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa Conference League.

L-Istripes se jkunu qed jilgħabu kontra Petrocub Hîncești FC tal-Molodva. Dawn m’humiex avversarji ġodda għal klabb Malti, wara li diġa’ lagħbu kontra Floriana fl-istess stadju ta’ kwalifikazzjoni u fl-istess kompetizzjoni, fl-istaġun 2022/23. Dak in-nhar, Floriana kienu sfaw eliminati b’aggregate ta’ 1-0.

Il-polza ta’ Floriana, fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa Conference League, se tkun qed tarhom jilgħabu kontra Haverfordwest County AFC minn Wales.

Din se tkun l-ewwel darba għal dawn l-avversarji ta’ Floriana li se jilgħabu kontra klabb minn Malta, iżda m’humiex isem ġdid għall-futbol Malti. Qabel xejn għal dawn l-aħħar żewġ staġuni, huma kellhom lil Visit Malta bħala wieħed mill-isponsors tagħhom.

Aktar minn hekk, f’dawn l-aħħar staġuni huma kellhom jilgħab magħħhom lid-difensur internazzjonali Malti, Luke Tabone li iżda fl-aħħar jiem sar magħruf li l-eks plejer ta’ Nadur Youngsters u Gżira United, issieħeb mal-klabb Brittaniku ta’ Southport FC, b’kuntratt għal sena.

Intant aktar kmieni llum, iċ-champions Ħamrun Spartans kien l-ewwel klabb Malti li sar jaf bil-polza tal-avversarju tiegħu, fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.

Il-Ħamruniżi se jkunu qed jaffrontaw lil FK Zalgiris, champions tal-Litwanja.