“Għaddejjin minn perjodu ta’ instabbiltà globali. Imma l-akbar theddidha għaċ-ċittadini tagħna mhix ġejja minn barra xtutna, iżda minn ġewwa,” stqarr il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN David Casa waqt dibattitu dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fuq ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Saltna tad-Dritt għall-2024.
Casa kkundanna nuqqasijiet sistematiċi fil-governanza u korruzzjoni f’xi stati membri. Huwa semma b’mod speċifiku lil Spanja, l-Ungerija u lil Malta bħala eżempji kruċjali, u talab intervent immedjat mill-UE biex tiddefendi s-saltna tad-dritt.
Casa semma “skandli ta’ korruzzjoni u ta’ serq miċ-ċittadini Ewropej”. Fid-diskors tiegħu, ikkundanna l-iskandli ta’ korruzzjoni reċenti fi Spanja, il-persekuzzjoni tal-minoranzi fl-Ungerija, u l-isforzi reċenti ta’ Malta biex twaqqaf il-ġustizzja billi l-gvern għamilha impossibbli li ċ-ċittadini jniedu inkjesta maġisterjali.
“Qerdu l-unika għodda effettiva fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus illi għadhom jifnu lil dan il-gvern. Tajjeb li s-sistema tal-passaporti tad-deheb ġiet iddikjarata illegali. Dan huwa pass pożittiv iżda wieħed żgħir meta wieħed jikkunsidra kif l-istituzzjonijiet f’Malta għadhom maħtufa.”
Casa appella għal sforz aktar b’saħħtu u ffukat mill-istituzzjonijiet tal-UE biex tiddefendi s-saltna tad-dritt u tiżgura l-protezzjoni taċ-ċittadini onesti, mhux ta’ politiċi korrotti.
//= $special ?>