Internazzjonali

Donald Trump determinat li l-Iran ‘ma jkollu qatt l-armi nukleari’

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li d-dinja ma taffordjax sitwazzjoni fejn l-Iran ikun fil-pussess tal-armamenti nukleari.

Fl-istess ħin, Trump ħareġ ukoll bl-istqarrija ambigwa li l-Istati Uniti ‘qed taħdem fuq soluzzjoni aqwa minn sempliċi waqfien tal-gwerra’ bejn Iżrael u l-Iran.

Meta l-ġurnalisti staqsewh biex jelabora, Donald Trump qal li hu qed jaħseb ‘fi tmiem konkret – u mhux pawża – għal din is-sitwazzjoni allarmanti fil-Lvant Nofsani’.

Intant, Trump, permezz ta’ messaġġ fuq is-sit Truth Social, irrifjuta allegazzjonijiet li hu qed jipprova jwassal għal taħditiet diretti mal-Iran bl-iskop li jieqfu l-ostilitajiet. Hu, imbagħad, saħaq li l-Iranjani ‘żbaljaw’ meta ma ffirmawx il-ftehim li ressqilhom, jiem ilu, biex huma jirrinunċjaw għal diversi elementi sinifikanti marbuta mal-programm nukleari tagħhom.