Il-Kumitat Paralimpiku Malti (MPC) ħabbar il-viżjoni tiegħu għall-Para Sport u l-membri ġodda eletti tal-kumitat eżekuttiv tiegħu waqt il-laqgħa ġenerali annwali tiegħu.
Waqt li indirizza federazzjonijiet sportivi nazzjonali, assoċjazzjonijiet, klabbs sportivi, atleti u partijiet interessati, l-MPC nieda l-istrateġija li għandha twassal sal-Logħob Paralimpiku ta’ Los Angeles 2028, immexxi mill-etos ta’ Inclusion meets Excellence.
Is-settur Paralimpiku Malti għadda minn trasformazzjoni kbira f’dawn l-aħħar snin, fejn żviluppa minn grupp ta’ madwar ħmistax-il atleta fl-2018 għal komunità ta’ aktar minn 75 atleta, f’firxa usa’ ta’ sports u diversità ta’ diżabilitajiet fiżiċi, viżwali, tas-smigħ u intellettwali.
L-MPC enfasizza kif il-kollaborazzjonijiet ma’ msieħba fl-isport, id-diżabbilità u l-edukazzjoni kienu kruċjali biex jinbidlu l-perċezzjonijiet lejn persuni b’diżabbilità f’Malta, biex jipprovdu opportunitajiet aħjar biex jaċċessaw l-isport b’mod sinifikanti u dinjituż.
B’ħarsa ’l quddiem lejn l-2028, l-MPC huwa kommess biex jintlaħqu livelli għola, biex iwassal servizz ta’ kwalità aħjar u innovazzjoni fl-isport. L-MPC ħabbar ukoll imsieħba ewlenin li qed jappoġġjawh.
Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-membri preżenti eleġġew il-kumitat eżekuttiv il-ġdid, bil-membri fundaturi, Joseph N. Grima (President), Julian Bajada (Segretarju Ġenerali) u Vladyslava Kravchenko PLY (Teżorier u Affarijiet Internazzjonali) ikkonfermati fir-rwoli tagħhom għal mandat ieħor.
It-tim huwa magħmul minn taħlita ta’ persuni stabbiliti fl-isport Paralmpiku u membri ġodda – Simon Zammit (Viċi President), Maja Theuma PLY (Rappreżentanta tal-Para Atleti), Kristina Rapa Manche (Uffiċjal tal-Integrità), Julian Cassar Torregiani (Strateġija u PR), u Marilena H. Imbroll (Grassroots u Kommunita’).
Gie elett ukoll il-Kunsill tal-Atleti Paralimpiċi tal-MPC, li huwa l-forum konsultattiv u l-vuċi tal-atleti lokali, bil-Paralimpiċi Maltin Maja Theuma PLY u Thomas Borg PLY jingħaqdu mal-atleti JeanFred Agius, Kurt Farrugia u Nick Mercieca. Il-kunsill jaġixxi bħala punt ta’ riferiment għall-atleti, u jikkontribwixxi b’mod attiv għal proġetti mmirati fuq l-edukazzjoni, l-emanċipazzjoni u l-għarfien.
Imwaqqaf fl-2018, l-MPC għandu rwol importanti fit-trasformazzjoni ta’ soċjetà aktar inklussiva permezz tal-qawwa tal-Isport Paralimpiku u l-valuri Paralimpiċi globali tal-Ugwaljanza, il-Kuraġġ, id-Determinazzjoni u l-Ispirazzjoni.
//= $special ?>