Lokali Qorti

Fattiga mixlija li serqet minn dar ta’ fejn kienet qed tnaddaf

Fattiga li ġiet akkużata li serqet €3,300 fi flus kontanti u żewġ ċekkijiet minn dar f’Ħal Luqa ta’ fejn kienet qed tnaddaf, ingħatat il-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti wara li ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, Hija ġiet akkużata li serqet dawn il-flus mis-safe tad-dar.

Il-każ ġie żvelat meta l-vittma għamlet rapport mal-Pulizija fit-13 ta’ Ġunju, fejn qalet li ammont ta’ flus u żewġ ċekkijiet kienu ntilfu minn safe ġewwa d-dar tagħha. Ma nstabux sinjali ta’ serq permezz ta’ xi sgass, u għalhekk is-suspett waqa’ fuq Charmaine Borg, residenti ż-Żejtun, li kienet taħdem bħala ‘cleaner’ regolari fid-dar.

Il-Pulizija sejħulha għall-interrogazzjoni, iżda inizjalment naqset milli tidher u spiċċat ġiet arrestata. L-għada, Borg tat stqarrija awdjoviżiva lill-investigaturi. Borg wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha. Id-difiża ppreżentat talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-biża’ li l-akkużata setgħet tinfluwenza x-xhieda jew tikkuntattja lill-vittma.

Id-difiża rrispondiet li l-inċident allegat sar ‘ġewwa f’dar privata u li Borg kienet se titlob ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma – miżura li kienet tipprevjeni kull kuntatt jew interferenza mal-każ. Id-difiża saħqet li Borg kienet saħansitra blokkjat lill-vittma fuq il-midja soċjali, u għalhekk ma hemm l-ebda allegazzjoni ta’ intraċċ tal-provi.

Barra minn hekk, ġie żvelat li l-vittma allegatament kienet inizjalment talbet €300 mingħand Borg, u mbagħad talba oħra ta’ €3,000. Id-difiża enfasizzat ukoll li Borg hija omm ta’ tifel ta’ 12-il sena li jiddependi fuqha, u li ż-żamma tagħha taħt arrest kienet se toħloq dannu serju għalih ukoll.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet miż-żewġ naħat, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Borg ġiet projbita milli tmur Ħal Luqa, għandha tiffirma l-Għassa taż-Żejtun darbtejn fil-ġimgħa, u ġiet imposta curfew bejn l-10pm u l-5.30am.

Il-Qorti wkoll ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-ħelsien mill-arrest intlaqa’ fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €2,000.

L-akkużata qed tiġi difiża mill-avukat Yanica Barbara Sant.

L-Ispettur Gabriel Kitcher mexxa l-prosekuzzjoni.