Internazzjonali

Gaza: Għexieren ta’ Palestinjani maqtula f’ċentru għad-distribuzzjoni tal-għajnuna

Iċ-ċentri għad-distribuzzjoni tal-għajnuna lill-Palestinjani ta’ Gaza qed jinbidlu f’zoni tal-mewt minn ġurnata għall-oħra…. Dan fost rapporti lil-qawwiet Iżraeljani, fl-aħħar sigħat,  qatlu ‘il fuq sew minn 50, inklużi nisa u tfal, meta fetħu n-nar fuq il-folol tal-Palestinjani li kienu qed jistennew għal rations tat-tqiq wara li kienu ilhom ibatu l-ġuh għal ġranet konsekuttivi.

L-isparatura seħħet f’ċentru partikulari ta’ Khan Younis fin-nofsinar ta’ Gaza u li rriżultat ukoll f’madwar 200 midruba – dejjem skont l-aġenzija tal-Ħamas għad-difiża ċivili fit-territorju.

F’każ li r-rapporti jkunu konfermati mis-sorsi indipendenti, din, bla dubju, għandha titqies bħala l-aktar sparatura qattiela minn fost l-inċidenti simili li qed isiru kuljum viċin is-siti għad-distribuzzjoni tal-għajnuna f’Gaza.

Dan ukoll meta kważi l-vittmi kollha tal-konflitt ta’ Gaza, fl-aħħar  ġranet, irriżultaw minn vjolenza fl-inħawi fejn il-familji Palestinjani kienu qed jistennew l-ikel – aktar milli b’kaġun l-attakki tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-miri tat-terroristi tal-Ħamas.

L-aħħar vittmi Palestinjani nzertaw f’zona ta’ Khan Younis fejn kien hemm eluf ta’ Palestinjani jistennew għall-ikel provdut minn sit tal-World  Food Programme….Kumpless li jinkludi wkoll kċina komunitarja.

Filwaqt li l-Armata Iżraeljana qalet li kienet qed tinvestiga r-rapporti, numru ta’ xhieda f’dawk l-inħawi qalu li d-drones tal-Iżraeljani sparaw ukoll il-missili lejn sezzjoni tal-folla – b’tank tal-gwerra fil-viċin, allegatament, jiftaħ in-nar ukoll fuq zona tas-sit li kienet iffullata bil-familji.