FK Zalgiris, champions tal-Litwanja għal 11-il darba fl-istorja tagħhom, se jkunu l-avversarji ta’ Ħamrun Spartans fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.
Bejn illum u għada, fil-kwartieri tal-UEFA, f’Nyon, fl-Iżvizzera, qed jitilgħu l-poloz tal-ewwel stadji tal-kompetizzjonijiet tat-tliet kompetizzjonijiet tal-klabbs Ewropej.
Kmieni waranofsinhar sirna nafu l-polza taċ-champions Maltin, Ħamrun Spartans u aktar tard illum se nkunu nafu wkoll min se jkunu l-avversarji ta’ żewġ klabbs oħra Maltin li iżda se jkunu qed jilagħbu fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa Conference League, Birkirkara u Floriana.
F’din l-istess kompetizzjoni, Malta se tkun rappreżentata mir-rebbieħa tal-Meridianbet FA Trophy, Hibernians, iżda dawn se jkunu qed jissuperaw l-ewwel stadju tal-UEFA Ewropa Conference League u se jibdew l-avventura tagħhom għal dan l-istaġun fl-Ewropa, mit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni, wara li l-finalisti fit-tmiem tal-istaġun 2024/25 ta’ din il-kompetizzjoni, Chelsea u Real Betis, it-tnejn assiguraw post fil-UEFA Champions League u l-UEFA Ewropa League rispettivament.
FK Zalgiris rebħu l-A-Lyga tal-Litwanja fl-2024 u l-istaġun domestiku l-ġdid diġà beda tant li wara 15-il partita, l-iskwadra mmexxija mill-kowċ Vladimir Cheburin tinsab fis-seba’ post tal-klassifika; 13-il punt taħt il-leaders attwali tal-Kampjonat Litwanjan, Kauno Žalgiris.
Dan jaf ikun ta’ vantaġġ għal Ħamrun Spartans li minkejja li se jkunu qed jaffrontaw avversarji li l-istaġun lokali tagħhom ilu li beda, il-forma tagħhom din is-sena, hi għad-dell ta’ dak li rrnexxilhom jagħmlu u jiksbu fl-2024.
Wieħed jista’ jgħid li l-polza ta’ Ħamrun Spartans setgħet tkun agħar. L-avversarji l-oħra li setgħu ġew biex jilagħbu kontra Ħamrun Spartans huma ċ-champions Żvediżi, Malmo, FC RFS, champions tal-Latvja, iċ-champions Finlandiżi KuPS u ċ-champions ta’ Wales, The New Saints.
//= $special ?>