Il-boxer Skoċċiż Scott Dixon ippreżenta ċertifikati mediċi datati 29 u 30 ta’ Frar – dati li ma jeżistux – biex jiġġustifika n-nuqqas tiegħu li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu.
L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma xehed li Dixon naqas ripetutament milli jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija, kif kien meħtieġ mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien proviżorju li ngħata f’każ relatat ma’ kannabis fl-2009.
Il-kundizzjonijiet tal-ħelsien kienu jinkludu: depożitu ta’ €15,000,, garanzija personali ta’ €25,000, u obbligu li jiffirma l-Għassa tal-Pulizija kuljum. Il-proċeduri kriminali kontra Scott Dixon, ta’ 48 sena, u l-psikjatra Mark Xuereb, ta’ 53 sena, komplew fil-Qorti. Iż-żewġt akkużati qed iwieġbu mhux ħatja għal akkużi ta’ ffalsifikar ta’ ċertifikati mediċi u użu ta’ dokumenti foloz.
Theuma qal li meta ġie vverifikat il-‘bail book’ ta’ Dixon, ma nstab l-ebda ċertifikat mediku biex jiġġustifika n-nuqqasijiet tiegħu. Dixon sostna li kien diġà ppreżenta ċ-ċertifikati, iżda dawn intilfu fl-Għassa ta’ San Ġiljan.
L-Assistent Kummissarju qal li infurma lill-Avukat Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet u ntalab l-arrest mill-ġdid ta’ Dixon. Eventwalment, Dixon ressaq diversi ċertifikati mediċi, inklużi tnejn datati 29 u 30 ta’ Frar 2023 – dati li ma jeżistux peress li Frar kellu biss 28 jum dik is-sena. Dawn iċ-ċertifikati ġew ippreżentati f’April 2024, li wassal għal dubji serji dwar il-validità tagħhom.
Meta ġie kontroeżaminat, irriżulta li l-Pulizija qatt ma talbitlu b’mod dirett iċ-ċertifikati. Id-difiża argumentat li Dixon kien taħt il-kura ta’ Dr Mark Xuereb, li huwa professjonist mediku awtorizzat li joħroġ dokumenti bħal dawn. Theuma kkonferma dan, iżda qal li ma saret l-ebda investigazzjoni dwar ir-relazzjoni professjonali bejn it-tnejn.
Pulizija ieħor stazzjonat San Ġiljan xehed li Dixon tah tmien ċertifikati mediċi b’kollox. Dixon qal li kien diġà tahom lill-Għassa iżda ntilfu, u għalhekk ippreżentahom mill-ġdid is-sena ta’ wara.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Darryl Farrugia.
L-Avukat Matthew Xuereb qed jidher għal għal Mark Xuereb, filwaqt li lil Scott Dixon qed jiddefenduh l-Avukati Franco Debono, Michael Sciriha, Roberto Spiteri u Adreana Zammit.
//= $special ?>