Lokali

Il-Gvern se jimplimenta proposta tal-Partit Nazzjonalista dwar is-settur tal-Cabs – PN

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern se jkun qed jimplimenta miżura li tah il-Partit Nazzjonalista biex jindirizza l-abbużi fis-settur tal-Cabs.

Din il-miżura kienet proposta mill-Partit Nazzjonalista fir-replika għall-budget ta’ Novembru li għadda, fejn l-Oppożizzjoni tkellmet b’mod ċar dwar il-ħtieġa li jkun hemm aktar regolamentazzjoni u kontroll f’dan is-settur biex jiġu żgurati servizz aktar sigur għall-passiġġieri, kif ukoll ġustizzja bejn is-sewwieqa kollha.

Ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut qal fi stqarrija li dan is-suġġett reġa’ tqajjem waqt il-laqgħa ta’ djalogu li l-Partit Nazzjonalista organizza f’April li għadda fuq is-settur tat-trasport u t-traffiku, u li għaliha attendew diversi stakeholders, fosthom sewwieqa, operaturi u rappreżentanti tas-settur privat u pubbliku, inkluż sewwieqa tal-Y Plates.

Matul dan id-djalogu, il-PN sema’ b’mod attiv l-ilmenti ta’ dawk li jaħdmu f’dan is-settur u ħabbar proposti konkreti biex is-sistema ssir iktar trasparenti, organizzata u ġusta.

L-implimentazzjoni ta’ waħda mill-proposti li ressaq il-PN għall-qasam tat-trasport turi li l-viżjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista għal dan il-qasam hi mibnija fuq proposti riċerkati u li jistgħu jiġu attwati biex ikollna servizz ta’ kwalità aħjar u toroq b’aktar sigurtà.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen fi trasport pubbliku u alternattiv modern, effiċjenti u sigur u se jkompli jressaq proposti konkreti biex dan is-settur jitjieb fl-interess tas-sewwieqa, tal-operaturi u tal-Maltin u l-Għawdxin.