Lokali

Il-Labour kommess li jaqsam id-distretti elettorali

It-tibdil li qed jiġi propost mill-Gvern fid-distretti elettorali jaf iwassal biex il-maġġoranza Parlamentari ssir dipendenti mis-siġġijiet f’każ li jkun hemm rappreżentant elett mit-tielet partit. U dan jaf joħloq anomalija serja.

Il-Partit Nazzjonalista qed iwassal it-tħassib serju tiegħu dwar dan it-tibdil fid-distretti elettorali. Bid-deputat Beppe Fenech Adami argumenta fil-Parlament  li t-tibdil se jkun qed jagħti vantaġġ lill-Partit Laburista hekk kif il-maġġoranza taċ-ċaqliq sar f’distretti li jxeqilbu b’mod tradizzjonali lejn il-Partit Nazzjonalista.

It-tibdil fid-distretti elettorali kif propost mill-Gvern ta’ Abela se jwassal biex Birkirkara tinqasam bejn l-ewwel u tmien distrett – u  iktar votanti min-Naxxar jispiċċaw fl-10 distrett. Dan flimkien ma’ tibdil li se jaffettwa lil  Tal-Pietà u Marsaskala wkoll, li se jkunu maqsuma fuq distretti differenti.

Id-diskussjoni dwar dan iċ-ċaqliq bdiet it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament bil-Ministru Michael Falzon min-naħa tiegħu jiġġustifika dan it-tibdil, għax skont hu minn dejjem kien hemm lokalitajiet li jkunu maqsuma fuq żewġ distretti. B’dawn it-tibdiliet mistennija jaffettwaw madwar 21,000 persuna.

Fil-Parlament Beppe Fenech Adami esprima d-dubju tiegħu dwar x’kienet ir-raġuni vera għalxiex Birkirkara u n-Naxxar se jkunu qed jiġu separati fuq żewġ distretti.

Bid-deputat Claudette Buttigieg tinsisti li ma tistax tifhem il-loġika għalfejn il-mekkaniżmu tal-proporzjonalità u l-ġeneru jaħdem biss jekk żewġ partit politiċi jkunu eletti fil-Parlament.