Lokali

“Is-sistema qed tfalli… u l-Prim Ministru ta’ Malta lanqas lissen kelma”

“Il-binja waqgħet għax l-infurzar fejn tidħol kostruzzjoni hu katastrofiku għall-aħħar. U fid-dawl ta’ dan kollu għandna Prim Ministru li la żar is-sit u wisq inqas lissen kelma dwar dan l-inċidenit li seta’ kien fatali”

Dan hu dak li nqtal fl-editorjal tas-sit Lovin Malta, b’reazzjoni għall-binja li ġimgħa ilu ġġarrfet f’Paceville biswit sit ta’ kostruzzjoni. L-editur sostna li dak li seħħ l-Erbgħa ta’ ġimgħa ilu seta’ kien fatali u katastrofiku. U skont hu, dan ġie evitat minħabba fortuna f’waqta.

L-editorjal spjega li l-Perit ħa xogħlu bis-serjetà u għamel ir-rapporti meħtieġa, però xorta waħda wara l-ewwel rapport l-awtoritajiet ma ħadux azzjoni immedjata. Fil-fatt kien wara t-tieni rapport li l-awtoritajiet ħadu passi.

Intant hu spjega li għalkemm il-BCA ħarġet notifika għal waqfin mix-xogħol fis-sit ta’ kostruzzjoni biswit il-binja li ġġarrfet, xorta waħda kien hemm periklu mhux innotat fuq il-binja.

L-editorjal kompla jgħid li s-sistema qed tfalli fuq kull livell u li l-Gvern baqa’ ma tgħallem xejn fejn jidħlu traġedji bħal dawn. Anke jekk fil-passat għamel ta’ bir-ruħu li l-affarjiet ser jinbidlu, fakkar kif bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti – hekk kif pajjiżna reġa’ ra binja oħra tiġġarraf.

L-editur ikkundanna l-Prim Ministru Robert Abela talli lanqas biss nissel kelma rigward dan l-inċident. Bl-editorjal jisħaq li Robert Abela qed jipprova jnessi din l-istorja minħabba li ma kienx hemm fatalitajiet – però dan il-fatt innifsu wkoll għandu jinkwieta lill-poplu Malti u Għawdxi li għandna Prim Ministru li iktar moħħu kif se jnessi milli kif ser jbiddel l-affarjiet.

Intant hu għalaq billi insista sabiex il-Gvern ta’ Abela jieħu din il-kriżi bis-serjetà għaliex, kif spjegat fl-istess editorjal, qegħdin nilagħbu b’ħajjet in-nies. B’riskji li iktar ġenituri, familji u ħbieb jitilfu lill-għeżież tagħhom kif sfortunatament ġara fil-passat. Dan fost appell li għalkemm “ġiet tajba” u ħadd ma miet, hemm bżonn azzjoni konkreta mill-Gvern u mhux paroli biss.