Il-gwerra bejn Iżrael u l-Iran qed iżżid fl-intensità, wara li l-Iżraeljani, f’nofs il-ġimgħa li għaddiet, wettqu l-ewwel mewġa ta’ attakki mill-ajru fuq l-ibliet, il-bażijiet militari u z-zoni tal-Iranjani li jinkorporaw il-faċilitajiet għall-iżvilupp tal-materjal nukleari.
Fl-aħħar sigħat, Iżrael u l-Iranjani komplew jisparaw il-missili lejn xulxin u meta għadha reali l-possibbiltà li l-Istati Uniti – minkejja l-kummenti kuntrarji minn Washington — ‘il quddiem, tissieħeb fil-konflitt fuq in-naħa tal-Iżraeljani.
L-ispekulazzjoni kompliet tikber wara li l-President Amerikan, Donald Trump, ċaħad li abbanduna qabel iż-żmien il-laqgħa tal-G7 ( l-aktar Seba’ Pajjiżi Industrijalizzati fid-Dinja) li kienet qed issir fil-Kanada biex jikkonċentra mija-fil-mija fuq ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn dawn il-potenzi tal-Lvant Nofsani.
Donald Trump, li qabel din il-gwerra kien qed jidher qrib ta’ ftehim mal-Iran dwar il-proġetti nukleari tar-reġim Iżlamiku, anki ħeġġeġ għall-evakwazzjoni immedjata tar-residenti kollha fil-kapitali Iranjana….Ħaġa li qed tidher impossibbli meta bħalissa, f’Tehran, qed jgħixu ‘il fuq minn 10 miljuni.
Fl-istess ħin, l-Iżraeljani komplew bl-attakki fuq l-Iran u fejn baqgħu jeliminaw lill-uffiċjali ewlenin tal-qawwiet Iranjani. Huma wkoll qed iħeġġu għall-evakwazzjonijiet tar-residenti mill-inħawi lejn il-Grigal ta’ Tehran, fost it-tħejjijiet għal fażi ġdida tal-offensiva fuq il-faċilitajiet militari tar-reġim Iżlamiku.
U fl-aħħar sigħat, ma waqfux l-isplużjonijiet fil-qalba ta’ Tehran, b’missila tal-Iżraeljani tolqot direttament lill-istazzjon tat-televiżjoni tal-Istat waqt xandira diretta.
Dan waqt li l-Iranjani komplew bl-attakki fuq Iżrael bħala parti mill-konflitt li ma jidhirx li għandu jitlef mill-qilla. L-aħħar rapporti referew għal aktar ċivili Iżraeljani maqtula mill-missili tal-Iranjani, bl-ammont tal-vittmi f’Iżrael jaqbżu t-30 mill-bidu ta’ dan il-konflitt.
Madankollu, Iżrael jidher li kiseb diġà vantaġġ sostanzjali f’din il-gwerra u fejn irnexxielu jisfrutta sew l-element ta’ sorpriża….Dan wara l-ewwel mewġa ta’ azzjonijiet mill-ajru li eliminaw kważi l-membri kollha tal-ġerarkija militari tal-Iran, fosthom il-Kmandanti ewlenin tal-Gwardja Rivoluzzjonarja – l-elit tal-militar li jieħu d-direttivi biss mingħand il-Kap Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei,
Kelliema għall-militar Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, qalu li l-qawwiet tqgħhom qatlu wkoll lil kmandant Iranjan ieħor, identifikat bħala Ali Shadmani li kien wieħed mill-aqwa strateġisti militari tar-reġim Iranjan.
U l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li l-aħħar attakki preċiżi tal-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani ‘tefgħu lura bi snin’ il-programm nukleari tal-Iran. Netanyahu hu wkoll fiduċjuż li Iżrael, maż-żmien, se jirnexxilu jelimina anki t-Tmexxija fundamentalista Iżlamika f’Tehran.
Fl-aħħar żviluppi, numru ta’ pajjiżi, fosthom il-Polonja u r-Repubblika Ċeka, kienu qed jevakwaw iċ-ċittadini tagħhom minn Iżrael permezz tal-ajruplani charter. Il-Polonja anki kienet qed taħseb biex tevakwa lill-membri ‘mhumiex essenzjali’ fost l-istaff tal-Ambaxxata tagħha f’Tehran.
//= $special ?>