Sport Waterpolo

Jispikka l-kollettiv fit-tim Slimiż… Ta’ Xbiex fil-quċċata tal-Meridianbet Cup u l-ewwel rebħa għal Marsaskala

SIRENS BUILD FITNESS…. 16

SLIEMA FRANK SALT…….. 19

(4-6), (4-4), (4-3), (4-6)

Sliema Frank Salt irkupraw mit-telfa kontra Neptunes u għelbu lil Sirens Build Fitness 19-16. Ir-rebħa ma waslitx faċilment iżda l-mertu jieħdu t-tim kollu minħabba wirja kollettiva li wasslet għat-tliet punti. Sirens straħu wisq fuq il-kwalitajiet tal-Kanadiż Nicolas Bicari u kienu kostretti jiġru wara l-avversarji għal ħafna ħin.

Is-Slimiżi kisbu vantaġġ doppju kmieni fil-logħba. Sirens irkupraw u għamlu l-iskor 4-4 iżda gowls immedjati minn Jamie Gambin u Dino Zammit poġġew lil Sliema minn fuq qabel tmiem l-ewwel sessjoni. Il-vantaġġ ta’ Sliema kiber għal 8-4 fit-tieni sessjoni iżda Sirens daħlu fil-logħba bi tliet gowls konsekuttivi.

Sliema reġgħu kabbru l-vantaġġ għal 10-7 madankollu t-tim ta’ Ranko Perovic reġa’ wieġeb bi tliet gowls oħra u ġab l-iskor indaqs sal-ewwel mumenti tat-tielet sessjoni. Is-Slimiżi riedu jerġgħu jibnu kollox mill-ġdid u rnexxielhom jispiċċaw is-sessjoni b’vantaġġ minimu ta’ gowl.

Sirens komplew jiġru wara r-riżultat u f’żewġ okkażjonijiet fl-aħħar sessjoni naqqsu d-distakk għal gowl. Kienu l-penalty ta’ Jayden Cutajar u l-gowl ta’ Liam Galea lejn nofs is-sessjoni li wittew it-triq għar-rebħa għat-tim ta’ Giannis Katrouzanakis.

Sirens: J. Parnis, P. Serracino, N. Bicari (7), J. Cachia (2), K. Agius, M. Ortoleva (2), I. Riolo, J. Zerafa Gregory (1), M. Sciberras, Z. Mizzi (3), G. Farrugia (1), M. Bonello DuPuis, G. Pace

Sliema: N. Grixti, E. Schembri (2), L. Galea (1), J. Gambin (3), J. Cassar (1), B. Cachia (1), J. Cutajar (4), D. Rizzo (1), J. Chircop, A. Galea, A. Vlachopulos (4), D. Zammit (2), B. Busuttil, S. Engerer

Referees: Alessandro Cavallini, Massimo Angileri

MERIDIANBET CUP

Ta’ Xbiex waħedhom fil-quċċata u l-ewwel rebħa għal Marsaskala

OTTERS NIVEA…………….. 8

TA’ XBIEX AMIGOS………. 11

(1-2), (3-2), (1-2), (3-5)

It-tieni rebħa minn żewġ logħbiet għal Ta’ Xbiex Amigos. B’dan ir-riżultat, it-tim ta’ Sergio Afric issa jinsab pass bogħod mir-rebħ tal-Meridianbet Cup. L-eroj għalihom kien Roko Pelicaric li skorja xejn anqas minn seba’ gowls.

Ta’ Xbiex kellhom vantaġġ ta’ 4-1 fl-ewwel mumenti tat-tieni sessjoni b’Roko Pelicaric jiskorja tripletta fil-proċess. Reazzjoni minn Otters wasslet biex b’gowls ta’ Vito Figliomeni, Mark Meli u Philip Tabone, it-tim Għawdxi annulla d-differenza sa tmiem it-tieni sessjoni.

Otters saħansitra marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba fil-bidu tat-tielet sessjoni b’gowl ieħor ta’ Tabone. Hawn spikkat ir-rimonta ta’ Ta’ Xbiex li bejn nofs it-tielet sessjoni u l-ewwel nofs tal-aħħar sessjoni, skorjaw xejn anqas minn ħames gowls konsekuttivi u bnew vantaġġ komdu ta’ 9-5, distakk li Otters setgħu biss inaqqsuh iżda ma kellhomx biżżejjed ħin biex jirkuprawh.

Otters: M. Xerri, M. Bonnici, A. Dimech, K. Micallef, M. Meli (2), M. Soler, D. Gogov (2), L. Dimech, V. Figliomeni (2), M. Farrugia, P. Tabone (2), Z. Dzanovic, S. Cutajar, C.J. Saliba

Ta’ Xbiex: T. Schembri, J. Farrugia, A. Camenzuli, L. Grech Carr (1), M. Manara, C. Busuttil, F. Scardino (2), R. Pelicaric (7), N. Bonavia, J. Culic (1), Z. Bartolo, T.J. Mifsud, A. Theuma, S. van Wyk

Referees: Alessandro Cavallini, Juana Cauchi

BARRACUDAS…….…..……… 15

MARSASKALA OPTIMA… 21

(5-7), (4-6), (3-3), (3-5)

L-ewwel rebħa għal Marsaskala Optima Projects f’din il-kompetizzjoni. Tliet punti meritati li waslu kif mistenni iżda mhux mingħajr perjodi li fihom ftit ikkonvinċew, mertu wkoll għal Barracudas li offrew sfida denja f’waqtiet.

Marsaskala kellhom bidu pożittiv u bnew vantaġġ ta’ 5-1 sal-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni. Risposta immedjata minn Barracudas li l-ewwel naqqsu d-distakk għal 6-5 u fl-ewwel parti tat-tieni sessjoni, saħansitra dawru r-riżultat għal 8-7. Marsaskala wieġbu immedjatament, reġgħu ħadu l-vantaġġ tul is-sessjoni u b’erba’ gowls konsekuttivi fl-aħħar tliet minuti u nofs, ħadu vantaġġ ta’ 13-9 għat-tielet sessjoni.

Minkejja l-isforzi ta’ Barracudas, Marsaskala wieġbu għall-gowls tal-avversarji fi tliet okkażjonijiet u rnexxielhom iżommu l-erba’ gowls vantaġġ. It-tim ta’ Arpad Babay baqa’ jikkonsolida d-distakk fl-aħħar sessjoni biex kiseb rebħa komda.

Baracudas: A. Micallef, C. Bugeja (1), A. Magri (3), P. Micallef, W. Ruggier, L. Schiavone (1), L. Bowman (1), J. Schembri Young (1), S. Apap, G. Massa (1), L. Pursehouse (3), A. Vitale (3), I. Schembri, J. Dimech (1)

Marsaskala: A. Muscat, D. Ciantar (1), T. Fenech (2), J. Pace Mizzi (1), N. Spiteri, R. Greco, M. Agius, G. Kovacs (7), K. Grech (1), G. Sammut (6), M. Curmi (2), T. Camilleri (1), L. Gatt, N. Rizzo

Referees: Stefan Licari, Luke Galea

Logħob li jmiss

L-Erbgħa 18 ta’ Ġunju

Premier Promotion: Marsaxlokk v Birżebbuġa 6.15pm, Exiles v Valletta 7.30pm

Tazza tal-President: Neptunes v San Ġiljan 8.45pm