Internazzjonali

L-Ukrajna: L-akbar rejd tal-ajru fuq Kiev mill-bidu tal-konflitt

Il-qawwiet tar-Russja wettqu wieħed mill-akbar rejds tal-ajru fuq Kiev mindu t-truppi ta’ Vladimir Putin qasmu l-fruntiera lejn l-Ukrajna, fi Frar tal-2022…Dan meta nqatlu talanqas 20 f’burraxka ta’ missili u drones li laqtu diversi bnadi tal-kapitali Ukrena – bl-attakki jħallu aktar minn 130 midruba.

Wieħed mid-drones tar-Russi qered l-għexieren tal-appartamenti fi blokk tal-bini u fejn irriżultaw il-maġġoranza tal-vittmi. Intlaqtu wkoll talanqas 27 lokalitajiet differenti fi Kiev u l-madwar.

Intant, il-Ministeru Ukren għall-Intern sostna li r-Russi, f’dik il-mewġa ta’ attakki, sparaw aktar minn 440 drone, flimkien ma’ għexieren tal-missili  lejn Kiev u zoni oħrajn tal-Ukrajna.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li r-rejd tal-ajru kien l-aħħar fażi fil-kampanja militari indisriminattiva tar-Russja u li fiha qed ibatu l-aktar iċ-ċivili Ukreni.

Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għad-Difiża Russu qal li l-attakki konċentraw fuq il-kumplessi industrijali u militari tal-Ukrajna u fejn, fi kliemu, ‘intlaqtu l-miri kollha’.

L-offensiva tal-ajru fuq Kiev damet aktar minn disa’ sigħat u fejn eluf ta’ residenti kienu kostretti li jibqgħu għal dan iż-żmien kollu fix-xelters ta’ taħt l-art. U kollox, bħalissa, qed jindika li l-vittmi u l-midruba ta’ dan ir-rejd massiċċ għandhom jiżdiedu minn siegħa għall-oħra.