Futbol Sport

Lenti fuq l-ewwel tliet avversarji tal-klabbs Maltin fl-Ewropa

Illum f'Nyon saru magħrufa l-avversarji ta' tlieta mill-erba' timijiet Maltin li se jilgħabu fl-Ewropa fl-istaġun 2025/26
Illum f'Nyon saru magħrufa l-avversarji ta' tlieta mill-erba' timijiet Maltin li se jilgħabu fl-Ewropa fl-istaġun 2025/26

Illum saru magħrufa l-avversarji ta’ tlieta mill-erba’ klabbs Maltin li fl-istaġun il-ġdid, 2025/26 se jkunu qed jilgħabu fl-Ewropa wara li kisbu kwalifikazzjoni fit-tmiem tal-istaġun li għadu kemm intemm.

Iċ-champions Ħamrun Spartans se jkunu qed jaffrontaw lil FK Zalgiris, champions tal- A-Lyga tal-Litwanja fl-2024.

FK Zalgiris, champions tal- A-Lyga tal-Litwanja fl-2024

FK Zalgiris hu tim li ġej mill-Belt Kapitali tal-Litwanja, Vilnius. F’dawn l-aħħar snin il-parteċipazzjoni tagħhom f’kompetizzjonijiet Ewropej kienet kostanti, iżda kien biss fl-istaġun 2022/23 li rrnexxilhom jiktbu l-istorja, bl-aħjar staġun tagħhom sal-lum fl-Ewropa, meta għamluha għall-fażi tal-gruppi ta’ kompetizzjoni tal-UEFA.

F’dak l-istaġun, FK Zalgiris kienu bdew l-avventura tagħhom fl-Ewropa mill-UEFA Champions League, wara li kienu rebħu l-Kampjonat f’pajjiżhom fis-sena ta’ qabel, u baqgħu javvanzaw sal-istadju tal-gruppi tal-UEFA Ewropa Conference League.

Fl-aħħar staġuni, FK Zalgiris kienu qrib li jikkwalifikaw għall-fażi tal-gruppi tal-UEFA Ewropa Conference League tliet darbiet oħra, iżda kienu eliminati fil-fażi tal-play-offs.

Sal-lum, FK Zalgiris lagħbu ‘l fuq minn mitt logħba f’kompetizzjonijiet tal-UEFA. B’kollox, l-avversarji ta’ Ħamrun Spartans, fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, lagħbu 102 partiti, u rebħu 30 logħba minnhom.

Petrocub Hîncești FC tal-Molodva se jkunu qed jilgħabu kontra klabb Malti għat-tieni darba fl-istorja

Birkirkara se jkunu qed jirritornaw jilgħabu f’kompetizzjoni Ewropea wara nuqqas ta’ staġun. L-avversarji tagħhom se jkunu Petrocub Hîncești FC, tim li fl-2024/25 temm fir-raba’ post fis- Super Liga tal-Moldova.

Petrocub Hîncești FC hu tim li din is-sena qed jiċċelebra l-25 anniversarju mit-twaqqif tiegħu. Tul l-istorja tiegħu, l-‘Alb-negrii’ (bojod u suwed), kif inhuma magħrufa lokalment, rebħu t-titlu ta’ champions darba biss. Dan is-suċċess kien fl-istaġun 2023/24.

Fl-aħħar tmien snin, ir-riżultati tagħhom fis-Super Liga tal-Moldova kien wieħed konsistenti, u dejjem temmew mal-ewwel erbgħa fil-klassifika finali tal-Kampjonat.

Il-kowċ ta’ 45 sena mill-Ġeorġja, Shota Makharadze hu l-kowċ il-ġdid ta’ Petrocub Hîncești FC

Fl-istaġun li għadda, huma kellhom l-aqwa esperjenza fl-Ewropa meta bdew l-avventura tagħhom mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League u komplew javvanzaw sal-fażi tal-gruppi tal-UEFA Ewropa Conference League.

Fil-fażi tal-Kampjonat, ta’ din it-tielet l-akbar kompetizzjoni għall-klabbs fl-Ewropa, huma saħansitra lagħbu kontra Real Betis; it-tim finalist tellief fl-aħħar edizzjoni. Dak in-nhar, Petrocub Hîncești FC kienu tilfu 1-0 kontra l-Ispanjoli.

Fl-istaġun 2022/23, Petrocub Hîncești FC kienu lagħbu għall-ewwel darba kontra avversarji minn Malta. Dak in-nhar, fl-ewwel leg ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa Conference League, huma kienu eliminaw lil Floriana b’aggregate ta’ 1-0 wara żewġ partiti.

Floriana se jkunu qed jaffrontaw klabb minn Wales għat-tieni darba, 26 sena wara li kienu eliminaw lil Aberystwyth Town

L-avversarji ta’ Floriana, Haverfordwest County AFC huma minn Wales, b’storja ta’ 126 sena. Madankollu, Haverfordwest County AFC ftit li xejn għandhom esperjenza f’kompetizzjonijiet Ewropej, wisq aktar meta mqabbel ma’ dik ta’ Floriana.

Għall-greens din se tkun it-tieni darba fl-istorja tagħhom f’kompetizzjonijiet tal-UEFA li se jkunu qed jilgħabu kontra avversarji minn Wales. Fl-1999, Floriana kienu ħadu sehem fit-Tazza Intertoto, u fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni huma kienu ġew biex jilgħabu kontra Aberystwyth Town. Dak in-nhar Floriana kienu eliminaw lill-avversarji tagħhom minn Wales, b’aggregate ta’ 4-3.

Haverfordwest County AFC hu tim li ġej mill-belt ta’ Haverfordwest li għandha populazzjoni ta’ ftit inqas minn 15,000 persuna, fin-nofsinhar ta’ Wales. Sal-lum, l-avversarji ta’ Floriana pparteċipaw fl-Ewropa f’żewġ staġuni differenti, bl-ewwel darba tkun fl-2004/05 u t-tieni darba tagħhom kienet l-istaġun li għadda, meta rrnexxilhom jissuperaw rawnd wieħed fil-UEFA Ewropa Conference League.

Dak in-nhar huma kienu eliminaw lil Shkëndija tal-Maċedonja wara l-għoti tal-penalties.

Fl-istaġun li għadu kemm intemm, Haverfordwest County AFC temmew fit-tielet post fil-Cymru Premier ta’ Wales, u magħhom kellhom jilgħab fid-difiża lill-internazzjonali Malti, Luke Tabone.

L-internazzjonali Malti, Luke Tabone lagħab ma’ Haverfordwest County AFC fl-aħħar żewġ staġuni u kien wieħed mill-aqwa plejers li kellu dan it-tim

L-Għawdxi ta’ 27 sena, għadu kemm ħalla lil Haverfordwest County AFC, wara żewġ staġuni pożittivi għaliħ u ffirma ma’ Southport Football Club, klabb Brittaniku li jilgħab fis-sitt livell tas-sistema tal-futbol fl-Ingilterra.

Għada nkunu naf ma’ min jistgħu jilgħabu Hibernians fit-tieni rawnd tal-UEFA Ewropa Conference League

Intant għada għadna nkunu nafu min se jkunu potenzjalment l-avversarji tar-raba’ u l-aħħar tim Malti fl-Ewropa, fl-istaġun 2025/26, Hibernians fil-UEFA Ewropa Conference League. Ir-rebbieħa tal-Meridianbet FA Trophy fit-tmiem tal-istaġun li għadu kemm intemm, se jkunu qed jissuperaw l-ewwel stadju ta’ din il-kompetizzjon i u se jibdew l-avventura tagħhom għal dan l-istaġun fl-Ewropa, mit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni, wara li l-finalisti fit-tmiem tal-istaġun 2024/25, Chelsea u Real Betis, it-tnejn assiguraw minn post fil-UEFA Champions League u l-UEFA Ewropa League rispettivament.