Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ ġenituri biex binthom ma tattendix għal lezzjonijiet tas-sesswalità fil-PSCD

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Mark Simiana ċaħdet talba mressqa minn koppja li riedu li l-kontenut tal-lezzjonijiet tas-sesswalità fil-PSCD jiġi rivedut, u ddeċidiet li l-ġenituri m’għandhomx dritt li jiddeċiedu dwar il-kontenut ta’ suġġetti li jagħmlu parti mill-kurrikulu nazzjonali.

Melvin u Jennifer Farrugia, li għandhom tifla ta’ 10 snin li tattendi skola statali, kienu ressqu kawża ċivili f’Ottubru 2019, fejn sostnew li għandhom id-dritt jagħżlu liema suġġetti titgħallem it-tifla tagħhom. Huma kienu tkellmu mal-għalliema tal-PSCD u, skont il-koppja, kienet aċċettat li t-tifla ma tattendix il-klassi.

Madankollu, il-Qorti osservat li mill-komunikazzjoni ma kienx ċar jekk ittieħditx deċiżjoni uffiċjali biex it-tifla tiġi eżentata. Jennifer Farrugia kienet marret fl-iskola u sabet lill-assistent kap u lill-għalliema tal-PSCD.

Wara li sabet li bintha kienet attenda l-lezzjoni, hija ikkonfrontat lit-tagħlim u ressqet rapport lill-pulizija. Hija qalet ukoll li kienet irrabjata bil-kontenut tal-ktieb. Il-koppja rreferiet għall-Att dwar l-Edukazzjoni u talbet li jiġi rikonoxxut d-dritt tagħhom li jeżaminaw il-ktieb u jitlobu reviżjoni jekk dan ikun offensiv għall-valuri tagħhom.

Il-kawża saret kontra l-Ministeru tal-Edukazzjoni, id-Direttorat tal-Kurrikulu, u uffiċjali oħra rilevanti. Il-koppja qalet li l-ktieb “The Voyage Continues after Childhood”, li jintuża fil-Year 6, jitratta temi bħal familja, emozzjonijiet, żvilupp fiżiku, u pubertà, u li dan mhux xieraq għal tfal ta’ 10 snin.

Huma argumentaw li tfal f’din l-età m’għandhomx jiġu introdotti għall-kunċetti ta’ “wet dreams”, orjentazzjoni sesswali differenti, jew eżempji ta’ ritratti indeċenti mibgħuta fuq il-mowbajl.

Jennifer Farrugia xehdet li bintha kienet qaltilha li kienet ħassitha skomda meta jiġu diskussi suġġetti relatati mas-sesswalità. Il-ġenituri tgħallmu wkoll li l-istudenti ma setgħux jieħdu l-ktieb id-dar, iżda dan nbidel wara l-protest tagħhom.

Huma xtaqu li binthom tkun tista’ titħalla barra mill-klassi tal-PSCD, iżda ġew infurmati li skont il-politika edukattiva, dan jista’ jsir biss għal-lezzjonijiet tar-reliġjon.

Il-qorti osservat li mhux kompitu tagħha li tiddeċiedi f’liema età għandhom jiġu mgħallma dawn is-suġġetti, għax dan hija “kwistjoni ta’ opinjoni soċjali.” Il-Qorti stqarret li l-kompetenza tagħha kienet limitata għall-eżami ta’ jekk hemmx ksur ta’ dritt ċivili u mhux ta’ dritt fundamentali.

Il-Qorti analizzat jekk ġenituri għandhomx dritt assolut u bla kundizzjonijiet li jiddeċiedu fuq l-edukazzjoni ta’ wliedhom. Filwaqt li l-Att tal-Edukazzjoni seta’ jidhirlu b’mod iżolat li jagħti dan id-dritt, il-Qorti qalet li dan irid jinqara fil-kuntest tal-obbligu tal-istat li jistabbilixxi kurrikulu minimu nazzjonali, u l-obbligu tal-ġenituri li jiżguraw li wliedhom jattendu u jsegwu dan il-kurrikulu.

L-eżenzjoni mis-suġġetti tista’ tingħata biss fejn mhux parti mill-kurrikulu obbligatorju, bħalma hu l-każ tal-lezzjonijiet ta’ Kattoliċiżmu, li hi l-eċċezzjoni li tikkonferma r-regola. Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li l-ġenituri m’għandhomx dritt, taħt il-liġi ordinarja, li jagħżlu s-suġġetti li għandha titgħallem binthom meta dawn is-suġġetti huma parti mill-kurrikulu nazzjonali.

Id-deċiżjoni ingħatat mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-ġenituri li jiftħu proċeduri oħra jekk jemmnu li l-liġi ordinarja tikser dritt fundamentali tagħhom.