Lokali

Mit-trab tal-bini, irnexxielu jagħmilha sas-swali tal-isptar

Minn siti tal-kostruzzjoni għal wards tal-isptar – il-vjaġġ ta’ Omar Kassab huwa wieħed li jispira u jġiegħel lil dak li jkun jieqaf u jaħseb. Mhux il-mixja tipika lejn il-professjoni medika, iżda bla dubju waħda li tixhed determinazzjoni, sagrifiċċju u passjoni.

Omar beda l-karriera tiegħu fil-ġebel, jilbes iż-żarbun tas-sigurtà fost trab u konkos; mhux f’ambjent kliniku iżda f’ambjent fejn ix-xemx, it-taħbit u r-riskju kienu preżenti kuljum. Dan il-bidu umli għenu jibni karattru ta’ dixxiplina, saħħa mentali u rieda li jkompli, anki meta l-mixja tidher twila wisq.

Illum, jilbes scrubs minflok ħwejjeġ tax-xogħol u juża stetoskopju flok martell. Fl-isptar, jiltaqa’ ma’ realtajiet oħra – u dan jagħmlu mhux biss b’kompetenza, imma b’ġenwinità li ġejja minn esperjenza vera tal-ħajja.

F’post fuq Instagram, Omar tkellem b’mod umli dwar kif il-mumenti diffiċli mmarkaw triq li wasslitu fejn hu llum. Għalih, il-ħinijiet twal fuq is-siti ma kinux sempliċement xogħol iebes, imma lezzjonijiet fil-perseveranza. Kull ġurnata kienet pass ieħor lejn il-ħolma tiegħu – u hu stess jammetti li mingħajr dawk il-passi, ma kienx ikun l-istess tabib.

Barra mill-isptar, Omar huwa wkoll atleta – ħaġa li tfakkar kemm il-ġisem u l-ispirtu tiegħu ilhom imħarrġa biex jifilħu sfidi ta’ kull tip.

Huwa rikonoxxenti għall-appoġġ tal-familja u l-ħbieb tiegħu, li kienu hemm għalih waqt l-aktar mumenti għeżież iżda wkoll diffiċli.

Omar Kassab illum mhux biss tabib. Hu simbolu ta’ tama u xhieda ħajja li l-impenn jagħmel differenza; mhux biss fil-ħajja tiegħu, imma f’dik ta’ dawk li jiltaqgħu miegħu kuljum.

Nota editorjali: Dan l-artiklu ma nkitibx biex inaqqas mill-valur enormi li għandha s-sengħa ta’ bennej, iżda biex jitfa’ dawl fuq dan l-impenn ta’ żagħżugħ li ried jilħaq il-ħolm tiegħu.