Sport Waterpolo

Neptunes jilqgħu d-deċiżjoni mit-Tribunal tal-ASA fil-konfront tal-plejer Jake Muscat

Jake Muscat
Jake Muscat

Fi stqarrija maħruġa mill-klabb tal-waterpolo ta’ Neptunes, wara li saret magħrufa d-deċiżjoni mit-Tribunal tal-ASA, li kkonferaw il-pożizzjoni u l-kondotta tal-klabb matul it-tilwima kollha li tinvolvi lill-plejer Jake Muscat Melito, il-klabb ħareġ jgħid li qed jilqa’ d-deċiżjonijiet li nħarġu minn dan l-istess Tribunal.  

Il-klabb ta’ Neptunes qal li dawn id-deċiżjonijiet jaffermaw li l-klabb aġixxa fi ħdan id-drittijiet tiegħu u b’mod sħiħ kemm skont l-obbligi kuntrattwali tiegħu kif ukoll skont il-prinċipji ta’ integrità sportiva.

L-istqarrija tgħid li sa mill-bidu nett, il-klabb għażel li jibqa’ sieket fid-dominju pubbliku, b’rispett lejn l-integrità tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni tal-ASA.

Il-klabb ta’ Neptunes qal li “filwaqt li oħrajn ġrew lejn il-midja b’narrattivi parzjali, il-klabb żamm lura milli joħroġ xi stqarrijiet, u afda li l-verità kienet se toħroġ permezz tal-kanali xierqa.

Fl-istqarrija maħruġa minn Neptunes, il-klabb xtaq jiċċara li d-deċiżjoni li jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-plejer ma saritx b ’mod leġġer. Muscat huwa plejer ta’ talent innegabbli, u l-klabb investa b’mod sinifikanti fl-iżvilupp tiegħu – finanzjarjament, professjonalment, u personalment – matul ħafna snin.

Madankollu, ksur ripetut mill-plejer kemm tal-kuntratt tiegħu kif ukoll tal-kodiċi ta’ etika tal-klabb, kif ukoll imġiba ta’ tfixkil fi ħdan l-ambjent tat-tim, ma ħalla l-ebda għażla ħlief li l-klabb jaġixxi.

Id-deċiżjoni li l-plejer jiġi eskluż mill-attivitajiet ta’ tim superjuri ttieħdet biss biex jiġu protetti l-koeżjoni u l-moral tal-iskwadra għolja (u tirrifletti biss miżura teknika u dixxiplinarja).