Opinjoni

OPINJONI: Inaċċettabbli…

It-tfigħ ta’ tajn, gideb u insulti personali mhux ser iwaqqfuni milli nkompli naħdem għall-ġid ta’ pajjiżi

mid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina
Shadow Minister għall-Agrikoltura u Sajd

Ix-xhur li għaddew kienu xhur ta’ attakki bla waqfien, tfigħ ta’ tajn, gideb u nsulti personali li laħqu livelli bla preċedent.
Għalkemm il-battibekki politiċi dwar poliċies bejn il-politiċi nfushom huma normali u healthy, l-attakki personali jaffettwaw ħażin il-familjari tagħna wkoll: bħalma affettwaw ħażin lil marti, binti, ommi, missieri u familjari oħra.
Speċjalment, meta dawn l-attakki personali jkunu msejsa fuq nuqqas ta’ informazzjoni, jew fuq il-gideb. U dan mhux aċċettabbli. Jien qatt ma fassalt il-politika tiegħi fuq l-attakki personali, għax min jaqa’ għal dawn it-tip ta’ attakki jkun ifisser li ġie dahru mal-ħajt, u tilef l-argument.

Inġustizzja
Sfortunatament, din hija politika tossika li l-Prim Ministru nnifsu għażel li jadotta, basta jipprova jgħatti xturu u xtur dawk ta’ madwaru.
Diġà hija inġustizzja ma’ kull politiku meta jiġi attakkat fuq sempliċi allegazzjonijiet mingħajr ma dawn jiġu ivverifikati. Agħar minn hekk hu meta l-fatti juru li tali allegazzjonijiet mhumiex veritieri, u min jagħmilhom jibqa’ jgħaddas rasu fir-ramel u jinnega l-verità… anke meta jkun jaf li tali attakki jkunu qed jaffettwaw ħażin mhux biss lill-politiku, iżda wkoll lill-familjari tiegħu.
Għalkemm il-missjoni ta’ kull politiku hi biex iservi kemm lill-kostitwenti tiegħu kif wkoll lil pajjiżu, dan m’għandux isir akkost li familtu tħallas prezz qares għas-servizz li jkun qed jiprrova jagħti bi tfigħ ta’ tajn u kalonji li l-uniku skop tagħhom ikun li jħammġu u jkissru l-karattru ta’ dak li jkun.
Għalkemm il-Kummissarju tal-Istandards fir-rapport tiegħu għamilha ċara li l-allegazzjonijiet magħmula fil-konfront tiegħi kienu infondati u bla bażi, min suppost jaf aħjar bilkemm ma pprovax jiskredita lill-istess Kummissarju għax m’għaddietx tiegħu.
Punt ieħor li wieħed għandu jżomm f’moħħu hu li l-fatt li aħna l-politiċi ma jfissirx li aħna m’aħniex tad-demm u l-laħam ukoll. Ħalli nagħmila ċara: jien dħalt fil-politika sforz ix-xewqa li nkun ta’ servizz lil għajri.
Meta tibda tħabbat wiċċekk mar-realtà tirrealizza li meta tipprova tkun ta’ servizz, tkun qiegħed ukoll tirfes il-kallijiet tal-kamp oppost, u dan ma jinżlilhom tajjeb xejn bil-konsegwenza li meta jispiċċaw daharhom mal-ħajt, iwassalhom biex jagħmlu minn kollox biex jiskreditawk.

Mhux se naqta’ qalbi milli nservi
Għalkemm din hija l-faċċata kera tal-munita fil-politika, żgur li dawn ċ-ċirkustanzi u l-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar xhur mhux ser jaqtgħuli qalbi milli nkompli nkun ta’ servizz għal dawk li eleġġewni u għal pajjizi.
Hija ħasra li minflok il-Gvern jagħmel ħiltu biex jadotta politika ta’ għaqda għall-ġid ta’ pajjiżna, l-uniku skop tiegħu hu li jipprova jifred nazzjon biex isaltan fuq il-mibegħda li jirnexxilu joħloq bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżna.
Agħar minn hekk hu l-fatt li l-Partit Laburista l-ħmieg tiegħu jipprova jitfgħu fuq il-Partit Nazzjonalista.
Bħala Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd, dejjem għamilt ħilti biex inkun ta’ servizz lil diversi bdiew, raħħala u sajjieda. Għandi l-unur ngħid li anke mill-Oppożizzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista, irnexxieli niffaċilità xi ftit il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull min jaqla’ x’jiekol minn dawn is-setturi.
Nemmen li l-politika ta’ pajjiżna għandha titfassal minn isfel għal fuq u mhux viċi-versa. Il-politika ta’ pajjiżna fir-rigward tal-Agrikoltura u s-Sajd għandha tkun imfassla mill-bdiewa, mir-raħħala u mis-sajjieda nfushom u mhux mill-politiku.
Imma dan qed jurta lill-Gvern, bil-konsegwenza li qed jattira kull tip ta’ attakk fuq il-kredibbiltà tiegħi: akkost li jirrikorru għall-gideb u t-tfigħ ta’ tajn.
Jattakkaw lili, lil sħabi d-Deputati u lill-Partit Nazzjonalista li m’aħniex Oppożizzjoni alternattiva: imma dan jagħmluh għax jafu li r-realtà hi totalment l-oppost.
L-isfortuna hi li ftit mit-tfigħ ta’ tajn min-naħa tal-Partit Laburista qed jeħel, anke grazzi għall-fatt li l-istazzjon tal-Istat minflok jaqdi dmiru lejn l-Istat stess, qed ikun wisq servili mal-Partit Laburista.
Kull min għandu żmien daqsi, ftit jew wisq jiftakar li kull Gvern Laburista għamel l-almu tiegħu biex l-Istazzjon tal-Istat jiġbed il-ħabel tal-Partit Laburista stess minflok ma jkun newtrali u jkun ta’ servizz lejn il-poplu tagħna.
Dan hu l-akbar disservizz lejn pajjiżna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Ġunju, 2025.