Opinjoni

OPINJONI: Profeti Russi

‘Three Three Prophets’ ta’ Nicolas Zernov
Anki jekk dak li qed isir hu żbaljat, wieħed ma jkunx qed jonqos jekk jappella lil dan il-poplu biex jieqaf u jmur lura lejn l-għeruq tiegħu billi jħares lejn il-kitbiet ta’ dawn it-tliet profeti

Mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Waqt li kont qiegħed infittex ktieb dwar l-iskular, filosfu u storiku Russo Vladimir Soloviev (1853-1900), sibtni f’minjiera interessanti.
Dan l-awtur sibtu kkwotat fit-tul fi ktieb marbut ma’ numru ta’ riflessjonijiet reliġjużi li saru minn patri Benedittin fil-qari varju tiegħu. F’dan proprju sibtni naqra l-ktieb ta’ Nicolas Zernov (1898-1980) li kien u għadu sorpriża. Zernov kien emigra lejn l-Ingilterra u hemm iżżewweġ, għex u għallem fit-tul it-teoloġija fl-Università ta’ Oxford. Kiteb numru ta’ kotba proprju fuq dan is-suġġett. Kiteb b’oriġinalità u għalkemm ma kienx fl-ordnijiet sagri rnexxielu jislef kwantità ta’ punti ta’ differenza bejn kif l-Oċċident u d-dinja Griega Ortodossa tħares lejn il-Kristjaneżmu.

Il-ktieb
Il-ktieb tal-awtur, bit-titlu Three Russian Prophets, pubblikat fl-1944, jidher sempliċi imma fil-fatt huwa ferm aktar mimli b’ideat u spjegazzjonijiet ċari. Imiss ma’ tliet bnedmin: Alexei Khomiakov (1804-1860), Feodor Dostoevsky (1821-1881) u l-istess Vladimir Soloviev, li huwa jidentifika bħala profeti. Bnedmin li huma magħrufa f’arthom għal raġunijiet varji, imma Zernov jikkonċentra fuq l-aspett reliġjuż ta’ kitbiethom.
Kull kapitlu dwar kull profeta huwa mill-isbaħ u fih għad-dispożizzjoni tagħna snin ta’ riċerka li wettaq l-istess awtur. Apparti l-Ingliż perfett tal-ktieb, kull idea hija ċara u spjegata fid-dawl storiku u dejjem f’dak li l-Knisja Griega Ortodossa bniet u żviluppat. Iktar u iktar fil-kunflitt kontinwu bejn il-Knisja Kattolika f’Ruma u dik li kienet qabel ġewwa Kostantinopli. Dan ukoll, fl-analiżi ta’ dak li jirrappreżenta l-Protestanteżmu, speċjalment fl-individwaliżmu.
Il-ħsieb imur lejn il-kunċett li l-veru Kristjaneżmu huwa fir-Russja. Ideat li l-imsemmija profeti jippermettu li jispjega tant tajjeb dak li l-pajjiż kien, u li huwa llum.

The Russian Background
F’dan hemm iktar interessanti l-kontenut li bih l-awtur jispjega, hu li huwa Russu, kif dik l-art tħares lejha nfisha u lejn id-dinja ta’ madwarha. Spjegazzjonijiet mill-iktar utli, li minkejja li ġew pubblikati tmenin sena ilu għadhom rilevanti ħafna, aktar u aktar f’dan iż-żmien fejn il-Federazzjoni Russa tinsab għaddejja b’din il-gwerra fuq l-Ukrajna.
Zernov jgħid hekk: “So it can be said that the whole history of Russia was dominated by two outstanding factors: the scarcity of friendly contacts with the outside world, and the constant threat of sudden invasion by one or other of its neighbours.” (Allura jista’ jingħad li l-istorja sħiħa tar-Russja kienet dominata minn żewġ fatturi determinanti: in-nuqqas ta’ kuntatti ħbieb mal-bqija tad-dinja u t-theddida kostanti ta’ invażjoni minn xi wieħed mill-ġirien tagħha.)

Kunċetti
Il-kittieb ikompli jispjega li hemm kultura u kunċetti kompletament differenti. Huwa jgħid hekk: “Among many causes which have contributed to Russia’s isolation and led her to create a culture widely differenti from that of the rest of Europe, the most important has been the use of the Slavonic tongue in worship and teaching. Till Peter the Great’s reforms at the end of the seventeenth century, neither Latin nor Greek played any part in moulding the mind of any class of Russian society.” (Fost il-kawżi li kkontribwew għall-iżolament tar-Russja, li wassalha lejn il-ħolqien ta’ kultura kompletament differenti minn dik tal-bqija tal-Ewropa kien l-użu tal-lingwa Slava fit-talb u fit-tagħlim.
Sar-riformi ta’ Pietru l-Kbir lejn l-aħħar tas-seklu sbatax, la l-Latin u lanqas il-Grieg ma kellhom sehem fil-formazzjoni intellettwali ta’ ebda klassi tas-soċjetà Russa.) Punti li kull min jiġġudika jew jikkunsidra lil dan il-poplu jrid jieħu fil-kalatura.

Moska
F’ħafna nbniet iktar l-idea li din il-belt kienet issa ċ-ċentru ta’ ċiviltà ġdida, “Christian by faith, but asiatic in policy and manners” (Kristjana fil-fidi imma Asjatika fil-politika u l-manjieri). Għalhekk inbniet din il-belt fil-ħsieb li tkun il-kapitali u l-aħħar Ruma.
L-awtur jiċċita fit-tul kitbet Philoteu, patri minn wieħed mill-monasteri ta’ Pskov, li jgħid hekk: “The Church of old Rome fell for its heresy: the gates of the second Rome, Constantinople, were hewn down by the axes of the infidel Turks; but the Church of Moscow , the Church of the new Rome, shines brighter than the sun in the whole universe. Two Romes are fallen, but the third stands fast; a fourth there cannot be.” (Il-knisja ta’ Ruma l-Antika waqgħet minħabba l-ereżiji tagħha; il-bibien tat-tieni Ruma, Kostantinopli, twaqqgħu taħt il-mannara tal-infidili Torok; imma l-Knisja ta’ Moska, il-Knisja ta’ Ruma l-ġdida, tiddi iktar mid-dawl tax-xemx fl-univers kollu. Żewġ Rumi waqgħu, imma t-tielet hija soda; ir-raba’ qatt mhu ser ikun hemm.)
Ideat u linji ta’ formazzjoni ta’ ħsieb li meta tisma’ numru ta’ diskorsi minn ċerti membri tal-Knisja Griega Ortodossa tħosshom għadhom hemm, preżenti.

Kompletament differenti
L-awtur ikompli jargumenta li hemm soċjetà Russa differenti ħafna, li trid tħares lejn l-istorja tagħha biex tifhimha. Ulterjorment huwa jindika żewġ raġunijiet oħra. L-ewwel, id-distanza u fl-istess waqt ir-rapport tagħha mal-Greċja l-Antika. Huwa jgħid hekk: “Russia remained likewise without the stimulus of Greek philosophy and dialectic. In this case the gulf between Greece and Russia was one, not of suspicion and hostility, but geographical distance and, above all, of language. The Greeks treated the Russians, from the time of their conversion (988), as friendly barbarians.” (Ir-Russja baqgħet ukoll mingħajr l-istimulu tal-filosofija u d-djalettika Griega.
F’dan il-każ, id-distanza bejn il-Greċja u r-Russja kienet, mhux waħda ta’ suspett jew ostilità, imma ta’ natura ġeografika, u fuq kollox, lingwistika. Il-Griegi ttrattaw lir-Russi, minn żmien il-konverżjoni tagħhom (988) bħala ħbieb Barbari.)

Ċirkostanzi
Zernov ikompli jispjega din il-partikolarità hekk: “The Russians found themselves in circumstances never repeated in Europe. They were able to create their own culture on a Christian basis, outside the boundaries of classical civilisation, and they remained influenced by Imperial Rome.” (Ir-Russi sabu ruħhom f’ċirkostanzi li l-Ewropa qatt ma reġgħet rat bħalhom. Kienu kapaċi joħolqu l-kultura tagħhom fuq bażi Nisranija, barra mill-fruntieri taċ-ċiviltà klassika u baqgħu influwenzati minn Ruma Imperjali.)
Osservazzjonijiet mhux biss interessanti għalija, imma wkoll veritieri. Ir-Russja li nisimgħu tant dwarha llum hija l-werrieta ta’ dan kollu. Biex nifhmuha, mingħajr ma naqblu ma’ dak li qed twettaq, irridu nikkunsidraw dawn iċ-ċirkostanzi partikolari tagħha.
Anki jekk dak li qiegħed isir huwa żbaljat, wieħed ma jkunx qed jonqos jekk jappella lil dan il-poplu sabiex jieqaf u jmur lura lejn l-għeruq tiegħu billi jħares lejn il-kitbiet ta’ dawn it-tliet profeti.

Vladimir Soloviev (1853-1900)

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 17  ta’ Ġunju, 2025.