Opinjoni

OPINJONI: Responsabbiltà…

Illum li tgħid li tħobb lil pajjiżek ma jfisser xejn jekk m’intix lest li tiġġieled għall-protezzjoni tal-wirt ambjentali, naturali, storiku, kulturali

mid-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg
Shadow Minister
għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku
u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete

F’mument kruċjali għal pajjiżna… u mhux biss għall-Partit Nazzjonalista… nemmen li dawn huma żminijiet li jitolbu introspezzjoni (ħarsa ’l ġewwa), għaqda, u viżjoni ċara għall-futur ta’ Malta.
L-ewwel u qabel kollox, nixtieq nieħu din l-opportunità biex nestendi l-gratitudni sinċiera tiegħi lil Bernard Grech għas-servizz tiegħu bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Li tmexxi partit politiku, speċjalment wieħed fl-Oppożizzjoni, huwa kompitu impenjattiv u spiss dak li bl-Ingliż jissejjaħ “a thankless task”, mimli sfidi kbar u li jitlob dedikazzjoni bla preċedent.
Bernard Grech ħa din ir-responsabbiltà fi żminijiet eċċezzjonalment diffiċli, u mexxa f’ilmijiet politiċi kumplessi b’integrità u impenn sod.
Matul il-kariga tiegħu, Bernard Grech wera mħabba profonda għal pajjiżna u twemmin sod fil-prinċipji li jsostnu l-partit tagħna: il-ġustizzja, il-korrettezza, u ħidma politika lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Huwa ddedika ħinu, issagrifika l-ħin personali tiegħu u tal-familja tiegħu, biex joħloq il-viżjoni tagħna, biex iżomm lill-Gvern responsabbli, u jiddefendi lil dawk li l-vuċijiet tagħhom spiss ma jinstemgħux.
Nemmen li għamel sforz ġenwin u ta’ dan għandna nkunu grati lejh. Grazzi, Bernard Grech.
Fuq livell personali nixtieq nirringrazzjah tal-fiduċja li wera fija u tar-rispett li dejjem urieni. Insellem ukoll lil martu Anne Marie u lill-familja tagħhom.
Dan il-mument ta’ tranżizzjoni għandu jservi wkoll bħala tfakkira qawwija tar-responsabbiltà kollettiva li tistrieħ fuq l-ispallejn ta’ kull membru tal-Parlament.
Responsabbiltá li trid tinġarr minn kull Membru Parlamentari
Jiena ngħid miż-żewġ naħat tal-Kamra, imma f’dan il-mument, żgur lil dawk kollha li jinsabu fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni, u tabilħaqq, fuq kull membru tal-Partit Nazzjonalista.
Ir-rwol tagħna bħala l-gvern alternattiv mhux sempliċiment li nopponu, iżda li nipprovdu viżjoni kredibbli, koerenti, u konvinċenti għal Malta.
Huwa d-dmir tagħna li niskrutinizzaw, li nistaqsu, u li niżguraw ir-responsabbiltà fl-interess pubbliku.
Iżda aktar minn hekk, huwa d-dmir tagħna li nuru lin-nazzjon li aħna magħqudin fl-iskop, iffokati fuq l-isfidi reali li jiffaċċjaw in-nies tagħna, u kapaċi mmexxu.
L-elettorat jistenna u jixraqlu Oppożizzjoni b’saħħitha u koeżiva li taġixxi bħala ħajt ta’ kenn, anzi sur veru kontra l-abbuż u bħala dawl ta’ tama għal futur isbaħ.
Is-saħħa kollettiva tagħna tinsab fil-kapaċità tagħna li naħdmu flimkien, li npoġġu l-interess nazzjonali fuq kollox, u li niftakru li l-għan aħħari tagħna huwa li ngħaqqdu lill-poplu Malti u Għawdxi, mhux l-ambizzjoni individwali. Ejja nħaddnu din ir-responsabbiltà kollettiva b’umiltà u b’determinazzjoni.
Nagħmlu żball kbir meta nħarsu biss lejn ir-rwol ta’ min imexxi partit, fil-Gvern jew fl-Oppożizzjoni, daqslikieku din hija responsabbiltà ta’ individwu waħdu.
Hemm risponsabbiltà kollettiva li trid tinġarr minn kulħadd. Nemmen li fil-Parlament – fil-Kamra tar-Rappreżentanti li hi l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna – għandha bżonn membri li jħaddnu l-valuri ta’ veru.
Illum li tgħid li tħobb lil pajjiżek ma jfisser xejn jekk m’intix lest li tiġġieled għall-protezzjoni tal-wirt ambjentali, naturali, storiku, kulturali… ta’ pajjiżna.
Illum iċ-ċittadini qed jingħaqdu u qed isemmgħu leħinhom u min ikun fil-Parlament Malti jrid mhux biss jisma’ imma jaġixxi.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-15 ta’ Ġunju, 2025.