Raġel ta’ 39 sena ngħata ordni ta’ probation u ordni ta’ trattament, wara li ammetta li hedded u intimida lill-eks sieħba tiegħu wara t-tmiem ta’ relazzjoni ta’ 10 snin ta’ bejniethom. L-akkużat, li għandu wild komuni mal-vittma, tressaq il-Qorti u ammetta għal sensiela ta’ akkużi fosthom fastidju, theddid, u ksur tal-paċi pubblika.
Il-każ beda minn rapport li sar fis-16 ta’ Ġunju mill-eks sieħba tal-akkużat, li qalet lill-Pulizija li kienet sabet kokaina fir-residenza tagħhom, u dan wassal għal konfrontazzjoni. Wara dan, l-akkużat beda jibgħat messaġġi ta’ theddid, inkluż ta’ mewt, u mar quddiem id-dar tagħha jgħajjat u jimbuttaha fiżikament. Dak il-ħin, kien taħt l-effett tad-drogi, qalet il-vittma lill-Pulizija.
L-akkużat bħalissa m’għandux indirizz fiss u qed jgħix fuq il-post tax-xogħol tiegħu. L-Ispettur Christian Cauchi qal li fid-dawl tal-ammissjoni bikrija tiegħu u f’dawn iċ-ċirkostanzi, ikunu xierqa ordni ta’ probation ta’ tliet snin, ordni ta’ trattament ta’ tliet snin kontra l-abbuż minn sustanzi, u ordni ta’ trażżin biex tiġi protetta l-vittma.
L-avukata tad-difiża, Yanica Barbara Sant, talbet ukoll biex il-Qorti tagħti projbizzjoni fuq l-iżvelar tal-isem tal-akkużat. Il-Qorti, wara li semgħet il-partijiet, laqgħet ir-rakkomandazzjonijiet tal-prosekuzzjoni. L-akkużat ingħata ordni ta’ probation u trattament għal tliet snin u ġie mmultat €100, u ngħatat ordni ta’ protezzjoni u trażżin biex iżomm ruħu ‘l bogħod mill-vittma u l-familja tagħha.
//= $special ?>