Lokali Unjoni Ewropea

Peter Agius jitlob azzjoni Ewropea fuq l-għoli tal-ħajja f’Malta

Jikxef kif il-Gvern ilu sena u nofs ma jinvestiga abbużi tal-prezzijiet

L-MEP Peter Agius kiteb lill-Kummissarju Ewropea għall-Kompetizzjoni, Teresa Ribera, biex tistħarreġ għala l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) f’Malta ilha minn Ottubru 2023 mingħajr Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni; kariga importanti li trid tiżgura li s-suq ikun verament wieħed ħieles u kompetittiv u tinvestiġa kull abbuż li jwassal għal għoli fil-prezzijiet għall-konsumaturi.

Agius irrimarka li minħabba f’hekk, fl-MCCAA hemm paraliżi sħiħa fl-infurzar tar-regoli kontra l-abbuż fil-kompetizzjoni. Dan jinkludi nuqqas ta’ azzjoni fil-każ ta’ ftehim minn taħt bejn kumpaniji biex iżommu prezzijiet għoljin għad-detriment tal-konsumatur u abbużi minn pożizzjoni dominanti fis-suq – li huma pedamenti importanti fil-liġijiet kemm tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk Maltin.

“Il-familji qed iħossu l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja, iżda l-gvern għażel li jħalli l-abbużi għaddejjin – tant li lanqas biss irid jappunta l-persuna bis-saħħa li tinvestiga abbużi tal-prezzijiet.”

Fl-aħħar sentejn, il-poplu Malti u Għawdxi ffaċċja għoli fil-prezzijiet bla rażan u l-Gvern lanqas ħatar il-kariga importanti bħal dik ta’ Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni aħseb u ara kemm żgurat li l-konsumaturi ma jerfgħux piżijiet sproporzjonati.

“L-aġir tal-gvern qed jinkoraġġixxi l-għoli tal-prezzijiet, qed jikser id-drittijiet tal-konsumaturi li ħadna meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, u l-obbligi li għandha Malta skont il-mudell deċentralizzat tal-UE għall-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni. Mhux se naċċetta li tkasbru d-drittijiet li ksibna bl-Unjoni Ewropea. Aħna ħdimna biex nidħlu fl-Ewropa biex ikollna garanziji u protezzjoni għall-konsumatur. Irridu dawn id-drittijiet bil-fatti mhux bil-paroli biss!” qal Agius.

L-MEP Agius appella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tintervjeni b’urġenza u tivverifika s-sitwazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli Ewropej minn kull Stat Membru. “Il-konsumaturi u n-negozji Maltin jistħoqqilhom suq ġust, trasparenti u kompetittiv,” temm jgħid Agius. “Il-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi bla dewmien.”