Internazzjonali

Pjanijiet sabiex jiġi pprojbit it-traffiku f’Oxford Street

Skont is-sindku ta’ Londra, il-pjanijiet biex jittrasformaw partijiet minn Oxford Street f’zoni pedonali se jimxu ’l quddiem “kemm jista’ jkun malajr”. Hu qal li jridu jerġgħu jġeddu Oxford Street billi jistabbilixxuha bħala mexxejja globali għall-ħwienet, id-divertiment u attivitajiet fil-miftuħ bi triq pedonali ta’ klassi dinjija u aċċessibbli, u li dan se jgħin biex jżuru iżjed turisti u jkun attrazzjoni għal investiment ġdid u ħolqien ta’ impjiegi, filwaqt li tmexxi t-tkabbir u l-prosperità ekonomika għal għexieren ta’ snin.

Is-City Hall sostniet li żewġ terzi tan-nies jappoġġjaw il-prinċipju li jitneħħa t-traffiku minn waħda mit-toroq l-aktar impenjati fid-dinja, u s-Sindku żied jgħid li “hemm bżonn ta’ azzjoni urġenti biex tingħata ħajja ġdida lill-high street tan-nazzjon tagħna”.

Il-vetturi se jkunu pprojbiti minn sezzjoni ta’ 1.1km bejn Oxford Circus u Marble Arch, b’bidliet potenzjali oħra lejn Tottenham Court Road.

Il-proposti l-ġodda tas-Sindku jiddependu fuq li jikseb permess mingħand id-Deputat Prim Ministru Angela Rayner, hekk kif bħala s-Segretarju tal-Istat għad-Djar, il-Komunitajiet u l-Gvern Lokali, trid tistabbilixxi korp ġdid ta’ żvilupp tas-Sindku li jassigura setgħat ta’ ppjanar.

Permezz ta’ post fuq X, Rayner sostniet li hija kburija li qed tappoġġja lis-Sindku ta’ Londra biex iwassal din il-viżjoni u biex tirnexxi, kemm għar-residenti ta’ Londra, kif ukoll għat-turisti.

Adam Hug, il-mexxej Laburista tal-Kunsill ta’ Westminster, qal li dan il-pjan mhuiex l-ewwel għażla preferuta tal-Kunsill, iżda li issa hu importanti li jimxu ’l quddiem flimkien għall-futur ta’ Oxford Street.

Proposti dettaljati dwar it-traffiku fuq Oxford Street, li tilqa’ madwar nofs miljun viżitatur kuljum, se jkunu miftuħa għall-konsultazzjoni aktar tard din is-sena.

Minn naħa tiegħu, Tim Lord, il-president tas-Soho Society, sostna li għad hemm mistoqsijiet importanti mingħajr tweġiba, fosthom dwar il-mod kif it-traffiku se jkun devjat u l-impatt taċ-ċaqliq ta’ 16-il rotta tal-karozzi tal-linja. Sostna wkoll li l-problema prinċipali ta’ Oxford Street hi li qed tbati mill-kwalità u l-attraenza tal-ħwienet, li naqqsu minħabba l-kirjiet għolja, li se jkomplu jogħlew.

Fl-2018, il-Kunsill ta’ Westminster, immexxi dak iż-żmien mill-Partit Konservattiv, kien waqqaf il-pjanijiet tas-Sindku biex jittrasforma t-triq f’zona pedonali, billi qal li ma kien hemmx biżżejjed appoġġ mir-residenti.