l-klabb tar-Regatta tal-Isla ħareġ stqarrija wara deċiżjoni meħuda mill-Qorti b’konnessjoni ma’ każ ta’ doping fir-Regatta tal-Vitorja ta’ Settembru li għadda. Id-deċiżjoni tal-qorti llum tikkonferma d-deċiżjoni tal-aġenzija kontra d-doping AIMS u li fost oħrajn kienet talbet sabiex it-tiġrija, li fiha ħa sehem il-qaddief inkwistjoni, tara l-punti mirbuħa jiġu dikjarati nulli. Kawża ta’ hekk l-Isla qed jiddikjaraw li rebħu x-shield ta’ Jum il-Vitorja 2024.
Fi stqarrija Senglea Regatta Club qalu li ftit tal-ħin ilu, il-Qorti tat is-sentenza finali dwar il-każ relatat mar-Regatta tal-8 ta’ Settembru 2024, li wasslet sabiex Senglea Regatta Club ġie awtomatikament iddikjarat bħala r-rebbieħ tas-Shield għal dik l-edizzjoni.
Dan isegwi l-istqarrija uffiċjali maħruġa minn Senglea Regatta Club dwar każ ta’ doping li kien seħħ waqt it-tiġrija tal-Kategorija Open tal-Kajjikki fl-istess ġurnata.
Fit-13 ta’ Jannar 2025, l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) iddeċidiet li l-punti miksuba mill-Klabb ta’ Birgu għandhom jitneħħew. Bħala riżultat, Senglea telgħet fil-quċċata tal-klassifika.
Il-Klabb ta’ Birgu appella din id-deċiżjoni, iżda fil-23 ta’ Mejju 2025, il-Bord tal-Appelli Nazzjonali Kontra d-Doping iddeċieda unanimament li l-ebda wieħed mill-punti mqajma mill-Birgu ma kellu bażi valida, u kkonferma l-pożizzjoni inizjali tal-AIMS.
Sussegwentement, il-Klabb ta’ Birgu ressaq mandat ta’ inibizzjoni kontra din id-deċiżjoni, iżda fis-17 ta’ Ġunju 2025, il-Qorti ċivili ċaħdet dan it-talba. B’hekk, l-Għaqda Nazzjonali tal-Qdif hija obbligata tosserva d-deċiżjoni li ttieħdet mill-AIMS.
Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, Senglea Regatta Club tilqa’ din id-deċiżjoni b’sodisfazzjon kbir, mhux biss għall-fatt li rebħet uffiċjalment is-Shield, iżda wkoll għaliex dan hu pass importanti biex l-isport tant maħbub tal-qdief jibqa’ wieħed nadif u ħieles minn kull forma ta’ abbuż.
Il-klabb jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon ir-risposta tal-Għaqda Regatta Nazzjonali, ippreżentata quddiem il-Qorti fis-6 ta’ Ġunju 2025, fejn ikkommettiet ruħha li se tosserva d-deċiżjoni finali tal-Qorti:
“Rat ir-risposta ta’ l-intimat Għaqda Regatta Razzjonali u Qdif Ieħor, ippreżentata fis-6 ta’ Ġunju 2025, fejn irrimettiet ruħha għad-deċiżjoni finali tal-Qorti.”
Għalhekk, Senglea Regatta Club qed tappella b’mod uffiċjali lill-Għaqda Nazzjonali tal-Qdif sabiex minnufih tgħaddi is-Shield u t-trofew lil Senglea Regatta Club, sabiex dawn jiġu ċċelebrati kif jixraq mal-komunità Senglejana.
Id-deċiżjonijiet kollha jistgħu jinstabu fuq is-sit uffiċjali tal-AIMS u fuq il-link li ġej:
Is-sentenza tal-Qorti hija wkoll mehmuża ma’ din l-istqarrija.
//= $special ?>