Lokali Qorti

Sitt snin ħabs wara relazzjoni sesswali ma’ tifla ta’ 14-il sena

Raġel ġie kundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li kellu relazzjoni sesswali ma’ tifla ta’ 14-il sena, li ġibed filmat tal-att li wettaq magħha u xerrdu ma’ sħabu. Il-każ, li seħħ fl-2022, jikkonċerna raġel li kien sab xogħol ta’ kok ma’ missier il-vittma.

Mill-provi rriżulta li fil-bidu ma kellux saqaf fuq rasu u għalhekk, il-missier laqgħu għandu. Huwa għamel xi ftit ġimgħat jgħix hemm sakemm sab post. Dak iż-żmien it-tifla kellha 12-il sena. Il-missier kien keċċa lill-akkużat mix-xogħol għax sar jaf li kellu ċeritifikati foloz u kellu l-vizzju tal-alkoħol u d-droga.

Il-każ ġie żvelat minħabba li l-akkużat beda juri lil sħabu tax-xogħol filmat tiegħu f’relazzjoni intima mal-vittma. Ġara li bagħtu lil wieħed ħabib ta’ missier il-vittma u dan qallu bih. Missier il-vittma rrapporta l-każ lill-Pulizija.

Fil-Qorti rriżulta li t-tifla kienet għaddejja minn xi problemi fosthom għax qalet li kienet ġiet stuprata minn ħuha minn omm differenti u għax ommha kienet abbandunatha meta kellha sena. Hija kienet tiftaħ qalbha mal-akkużat.

It-tifla xehdet kif għall-bidu hi u l-akkużat kienu jsegwu lil xulxin permezz ta’ Instagram. Minkejja, li missierha kien ġegħelha tibblukkah darbtejn, hi xorta sabet mod kif tibqa’ tkellmu. Huma kienu ftiehmu u marret l-appartament tiegħu.

Il-vittma xehdet li darba minnhom mar jixtri x-xorb u xorbu żewġt ifliexken inbid. Hija kienet qaltlu li tħobbu u staqsietu hux problema għalih għax kienet minuri u hu weġibha li le. Spjegat li kellhom x’jaqsmu flimkien darbtejn fosthom meta kienet fis-sakra u ħa filmat. Meta ndunat ipprovat tħassar il-filmat iżda ħadilha l-mobile minn idejha.

Pulizija xehed fil-Qorti kif ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti., kien ammetta li kellu relazzjoni magħha iżda qal li kien mingħalih li hi adulta. Għaldaqstant, fil-Qorti ma ammettiex. Iżda din il-verżjoni ġiet imxejna għalkollox minħabba li kien jidher f’xi ritratti ta’ festini ta’ għeluq snin it-tifla, kien ġieli raha bl-uniformi tal-iskola u hi kienet tiftaħ qalbha miegħu fuq il-problemi tat-tfulija.

Dan kollu ma ħalla l-ebda dubju għall-Qorti li kien jaf li kienet minuri. Minn xhieda tal-Pulizija wkoll ħareġ li huwa kien bagħat il-filmat lil sħabu. Meta qieset kollox, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qalet li x-xhieda tal-vittma kienet konsistenti u ċara.

Għaldaqstant, sabitu ħati u flimkien mas-sitt snin ħabs poġġietu taħt ordni ta’ trazzin għal tliet snin u tniżżel fir-reġistru tal-pedofli.

Huwa ġie ordnat ukoll iħallas €2,800 fi spejjeż tal-Qorti.